Left arrow Go Back

IL-KUNSILLI LOKALI MILQUTA BL-IMMIGRAZZJONI JRIDU JIĠU MGĦEJJUNA

pr2412
Date Icon 30/10/2013

Fi Strasburgu, Franza is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li wasal iż-żmien li tinbidel il-formula finanzjarja li biha tiġi kkalkulata l-għajnuna finanzjarja li jagħti l-Gvern lill-Kusilli Lokali ħalli b’hekk jgħin lill-Kunsilli Lokali f’pajjiżna milquta bil-fenomenu tal-immigrazzjoni. Huwa qal dan bi tweġiba għal sensiela ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-membri preżenti fil-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa. Herrera kien il-mistieden speċjali tal-25 Sessjoni Plenarja li matulha tkellem dwar inqas burokrazija, gvernanza aktar għaqlija u parteċipazzjoni aktar b’saħħitha ta’ żgħażagħ fil-Kunsilli Lokali.

Għal mistoqsija li saritlu dwar l-immigrazzjoni rregolari u x’qed jagħmel il-Gvern biex jgħin lill-awtoritajiet lokali l-aktar milquta, is-Segretarju Parlamentari qal li dawn bħalissa mhux qed jingħataw xi forma t’għajnuna speċjali minkejja li għandhom bżonnha. Semma l-Kunsilli Lokali bħal dawk tal-Marsa u Birżebbuġa li qed ikollhom iġorru piż akbar minn Kunsilli Lokali oħra minħabba l-influss ta’ immigranti li għandhom fil-lokalità tagħhom. Għalhekk, qal is-Segretarju Parlamentari, huwa jaħseb li wasal iż-żmien li tiġi riveduta l-formula matematikata li biha tiġi kkalkulata l-għajnuna finanzjarja li jagħti l-Gvern lill-Kunsilli Lokali. Bħalissa l-Gvern jagħti flus lill-Kunsilli Lokali skont id-daqs u l-għadd ta’ residenti reġistrati fir-reġistru elettorali. Madanakollu, tenna s-Segretarju Parlamentari, għal lokalitajiet li l-komunità tagħhom issa qed ikollha tilqa’ fi ħdanha influss qawwi ta’ immigranti din il-formula ma tagħmilx sens u hemm bżonn li tinbidel biex b’hekk tagħmel tajjeb għal dan il-fenomenu.

Hawn is-Segretarju Parlamentari fakkar dak li għamel il-Prim Ministru aktar kmieni dan ix-xahar fi Brussell u tenna li r-retorika t’uħud mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea mhix biżżejjed biex tgħin lil Malta u stati oħra milquta direttament bl-imigrazzjoni. Huwa qal li jekk l-Unjoni Ewropea mhix ser tieħu passi konkreti fuq din il-kwistjoni, il-kriżi ser tkompli tikber u fl-aħħar ser tisplodi.

Mistoqsijiet oħra li sarulu mill-membri preżenti kienu dwar it-taxxi fejn insista li l-Kunsilli m’għandhomx idaħħlu taxxi u saħaq dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

F’diskors li għamel aktar kmieni lis-Sessjoni Plenarja, is-Segretarju Parlamentari qal li kien ta’ unur għalih li f’isem il-Gvern Malti jindirizza lill-Kunsill tal-Ewropa biex jinforma lill-membri preżenti dwar il-ħidma li qed jagħmlu l-Kunsilli Lokali f’pajjiżna f’għeluq l-20 sena tagħhom.

B’Malta membru fil-Kunsill tal-Ewropa sa mill-1965, is-Segretarju Parlamentari qal li l-liġi li waqqfet il-Kunsilli Lokali hija mibnija fuq dak li qalet din l-istituzzjoni dwar it-tisħiħ tad-demokrazija. Semma l-kampanja li qed issir f’pajjiżna dwar vot 16 u l-inizjattiva li ħa l-Gvern biex jaħtar l-ewwel grupp t’ambaxxaturi fil-lokalitajiet tagħna biex iwasslu l-vuċi taż-żgħażagħ li għandhom bejn 16 u 18-il sena.
Dwar l-infurzar lokali huwa qal li bħalissa l-Gvern qiegħed fi proċess li jbiddel kompletament is-sistema li sa issa kienet ibbażata biss fuq multi u ċitazzjonijiet biex igawdu l-kumpaniji privati askapitu tal-Kunsilli Lokali u ċ-ċittadini. Is-Segretarju Parlamentari qal li s-servizz mogħti minn din is-sistema mhux tajjeb u għalhekk hemm bżonn li jinbidel. José Herrera qal li fi żmien li ġej is-Segretarjat immexxi minnu ser ikun qed ivara kampanja ta’ konsultazzjoni biex abbażi tagħha jipproponi sistema aktar effiċjenti li tħares l-interessi taċ-ċittadini u mhux tal-kumpaniji privati.

Fil-Kunsill tal-Ewropa is-Segretarju Parlamentari ġie milqugħ mill-President tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Regjonali s-Sur Hermin Van Staa kif ukoll l-Eċċelenza tiegħu l-Ambaxxatur u Rappreżentant Permanenti fi ħdan l-istess istituzzjoni l-Imħallef Joseph Filetti. Is-Sur Van Staa faħħar id-diskors li għamel is-Segretarju Parlamentari u raddlu ħajr tax-xogħol tiegħu fl-interess tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f’pajjiżna.

Min-naħa tiegħu l-Ambaxxatur Joseph Filetti qal li kien ta’ pjaċir għalih li jilqa’ għall-ewwel darba sa mill-ħatra tiegħu membru tal-Gvern Malti. F’laqgħa separata li kellu mas-Segretarju Parlamentari, Filetti spjega x-xogħol li qed isir fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u tenna s-sodisfazzjon tiegħu li jara lill-pajjiżna jieħu sehem f’laqgħa daqshekk għolja. Huwa qal ukoll li kien ta’ pjaċir għalih li jara illi l-kwistjoni tal-immigrazzjoni rregolari u l-problemi li qed jiffaċċja pajjiżna jinsabu ukoll fuq l-agenda tal-Kunsill tal-Ewropa.

Għaż-żjara tiegħu fi Strasburgu s-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mill-konsulent tiegħu għall-Kunsilli Lokali s-Sur Michael Cohen kif ukoll id-Direttur tal-Gvern Lokali s-Sur Carmelo Abela.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow