PROĠETT TA’ ESTENSJONI U TISBIEĦ - COSPICUA RANGERS
Illum il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi indirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proġett ta’ estensjoni u tisbieħ fil-Cospicua Rangers Football Club. Il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ maħżen taħt l-art u landscaping fiż-żona tal-madwar – li jinkludi pitch tal-boċċi u post ta’ rikreazzjoni għat-tfal.
L-Onor. Joe Mizzi qal li dan il-proġett se jkun qed jagħti spinta oħra fir-riġenerazzjoni tal-Kottonera, li għandha bżonn attenzjoni speċjali u qal li dan ikompli juri kif dak li nwiegħdu nwettquh. Tajjeb wieħed jgħid li l-ġnien kien ilu mwiegħed għal dawn l-aħħar 10 snin u l-post kollu huwa mifrux fuq 1,300 metru kwadru.
Il-Ministru Mizzi qal li l-post kien fi stat gravi ħafna u x-xogħol li beda f’April li għadda tlesta kollu f’sitt xhur. Ħafna minn dan ix-xogħol sar mill-ħaddiema tal-Gvern, mid-Dipartiment tax-Xogħol u Servizzi. Fost ix-xogħol li sar, kien hemm tħammil u tneħħija ta’ materjal, il-bini tal-pedament u l-bini tal-area tal-ispettaturi, madum, konkrit, metall, aluminju, elettriku, plumbing, is-sistema tad-drenaġġ u sistema ta’ irrigazzjoni, il-manifattura tal-għamara għal barra, plastering u żebgħa u tqegħid tal-ħamrija.
Barra minn hekk ġew imqabbdin ukoll kuntratturi privati li ħadu ħsieb l-nvestigazzjonijiet ġeo-tekniċi, miżuri ta’ saħħa u sigurta, xogħlijiet fuq il-bejt, gypsum, il-faċilitajiet sanitatarji, il-bandli, it-tiswija fil-ġibjun, finishings u xogħol ieħor.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li biex ix-xogħol jimxi ’l quddiem bilfors kellhom jitqabbdu l-ħaddiema tal- Gvern u rringrazzja lill-ħaddiema tal-Gvern kif ukoll dawk tal-privat li ħadmu biex dan ix-xogħol seta’ jitlesta fl-inqas żmien possibbli. Huwa spejga kif qabel l-elezzjoni kien żar dan il-post flimkien mas-Sindku u seta’ jara b’għajnejh il-problemi kbar li kien hemm. La darba tlesta dan il-proġett, il-Ministru qal li għandu jkun hemm enfasi biex kulħadd iżomm dan il-post f’kundizzjoni tajba u jemmen li n-nies għandhom ikunu edukati.
L-Onor. Joe Mizzi kkonkluda billi qal li qed jara li dak li ġie mwiegħed qabel l-elezzjoni jitwettaq u fakkar fi proġett ieħor li għaddej u dalwaqt ikun inawgurat fl-Imtarfa. Dan hu proġett ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha. Ittieħdu passi mill-ewwel u ngħatat spinta f’dan is-sit biex kemm jista’ jkun malajr, ikun jista’ jingħata lura lir-residenti għat-tgawdija tal-familji tagħhom. Fil-fatt ix-xogħol miexi qabel skedat u mistenni jitlesta lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Dan hu proġett ieħor li kien ilu mwiegħed għal għadd ta’ snin minn amministrazzjoni preċedenti u mhux biss kien għadu ma tlestiex imma x-xogħol fuqu waqa’ lura. Kien tħabbar l ise jinbena mill-ġdid f’Diċembru tal-2011, mill-eks-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Chris Said, waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn intqal li se jkun post ta’ rikreazzjoni immirat għall-familji b’aktar sigurtà u serħan il-moħħ.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033