NIĊĊELEBRAW IL-WIRT STORIKU TAGĦNA
Dalgħodu L-Onor. Jose’ Herrera, is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali żar l-Open Day li qed jagħmlu d-Direttorat tar-Restawr f’Fortress Builders il-Belt Valleta. Din l-Open Day kienet parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru madwar id-dinja biex ifakkru l-World Heritage Days.
Il-European Heritage Days huma l-aktar attivitajiet ta’ wirt kulturali imfitxija miċ-ċittadini tal-Ewropa. Dr Herrera qal li l-Kunsill tal-Ewropa kien vara din l-inizjattiva fl-1985 u fl-1999 ingħaqdet miegħu l-Unjoni Ewropea biex jagħmlu pjan t’azzjoni konġunta. Sal-lum huwa stmat li mal-20 miljun viżitatur iduru l-pajjiżi fl-Ewropa biex jesperjenzaw il-wirt kulturali tagħhom. F’dan il-jum huwa stmat li l-mużewijiet u siti storiċi tal-50 pajjiż ffirmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea tal-Kultura jiftħu l-bibien tagħhom biex jilqgħu lill-viżitataturi.
Bħala parti minn dan il-Jum, iċ-Ċentru t’Interpretazzjoni f’Fortress Builders, bejn il-bieraħ u llum fetaħ il-bibien tiegħu b’xejn għal kulħadd u libes libsa aktar kreattiva. Apparti l-wirja permanenti dwar l-istorja tal-fortifikazzjonijiet f’pajjiżna, in-nies preżenti setgħu japprezzaw ix-xogħol ta’ reqqa li jsir mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr. Fl-Open Day ġew murija għadd ta’ films u ġew organizzati għadd ta’ taħdidiet dwar din is-sengħa tant partikolari. It-tfal preżenti setgħu jmissu b’idejhom dak li jagħmlu r-restawraturi professjonali. L-esebizzjoni inkludiet l-użu ta’ laser scanner, li fis-sengħa normali tax-xogħol, jintuża fuq binjiet storiċi ħalli jirrestawrar binjiet storiċi.
L-Onor. Herrera qal li Fortress Builders għandu l-għan li jikkomunika u jesebixxi l-istorja ta’ difiża li għandu pajjiżna. Fil-fatt dan iċ-Ċentru, qal Dr Herrera, huwa ddisinjat biex iservi ta’ tarġa għal dak li jiġu f’pajjiżna biex jammiraw il-wirt militari li għandna fil-gżejjer tagħna. Fil-fatt f’Fortress Builders, wieħed isib il-kuntest storiku, arkitetoniku, tekniku u militari fl-isfond tal-fortifikazzjonijiet li jdawru l-Belt Valletta. L-Onor. Herrera, qal li jixtieq jara ħafna aktar Maltin u turisti li jżuru dan il-post li fetaħ kmieni fl-2013.
L-Onor. Herrera spjega l-funzjoni tad-Direttorat tar-Restawr li jaqa taħt ir-responsaibilità politika tiegħu u li fost l-oħrajn tieħu ħsieb xogħolijiet ta’ restawr fuq propjetà tal-Gvern inkluż il-fażi inizjali tagħhom bħal disinji u hruġ ta’ tenders. Madanakollu, qal Dr Herrera, din l-entità għandha dimensjoni oħra inkluż li tgħin lill-entitajiet pubbliċi oħra u għaqdiet volontarji fejn jidħol xogħol ta’ restawr.
F’dan id-dipartiment b’kollox hemm jaħdmu mal-166 persuna li ħafna minnhom huma profesjonisti, nies tekniċi u ħaddiema tas-sengħa li jispeċjalizzaw fir-restawr.
Is-sena li ninsabu fiha, qal Dr Herrera, kienet waħda pożittiva għal din l-entità li ħadmet fuq xogħolijiet ta’ restawr fl-Imdina, Cittadella, Belt Valleta u l-forifikazzjonijiet tal-Birgu li x-xogħol fuqhom qed isir bil-għajnuna tal-UE. Fil-Fatt l-Onor. Herrera irrimarka li dan il-flus ivvutati fuq dan il-proġett jammontaw għal €42 miljun.
Xogħolijiet oħra li għadhom kif tlestew jinkludu r-restawt fuq Palazzo Spinola f’San Ġiljan u r-restawr tal-kappella ta’ San Martin fil-Baħrija. Xogħolijiet li fi ħsiebhom jibdew, qal l-Onor. Herrera, jinkludu l-kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Tarxien, il-knisja l-qadima ta’ Birżebbuġġa u l-kappella tal-Immakulata Kunċizzjoni fin-Naxxar.
Dt Herrera qal li x-xogħolijiet fuq il-faċċatta ta’ Kastilja fi ħsiebhom ikunu lesti fil-bidu tas-sena 2014.
B’ħarsa ‘l quddiem, Dr Herrera qal li d-dipartiment tar-restawr fl-2014 ser ikun qed jikkonkludi fuq ix-xogħolijiet ffinazjati mill-ERDF bħal tal-Birgu u l-Collacchio.
Huwa qal li dan id-direttorat ukoll ser ikollu rwol importanti fil-preparazzjoni li qed jagħmel pajjiżna għall-presidenza tal-UE fl-2017 u t-titlu tal-kapitali Ewropea fl-2018.
Jakkumpanjaw lis-Segretarju Parlamentari għal din iż-żjara kien hemm id-Direttur tad-Direttorat il-Perit Norbet Gatt, iċ-Chief Architect Hermann Bonnici u għadd ta’ periti u staff ieħor li jaħdmu ma’ din l-entità.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033