QED NAGĦMLU STEDINA MIFTUĦA LIS-SETTUR PRIVAT GĦALL-RWOL AKBAR FIL-QASAM TAL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART
Diskors mill-Onorevoli Leo Brincat, Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima f’okkażjoni tal-Green Council Awards organizzati mill-Green MT.
Ftit tal-ġimgħat ilu ktibt lill-President tal-GRTU fejn stedinthom jidentifikaw dawk l-oqsma kollha fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart fejn fil-fehma tagħhom is-settur privat jista’ jkollu sehem dirett u rwol akbar. Ħaġa naturali għamilt dan ukoll ma’ organizazzjonijiet oħrajn.
Fid-dokument konsultattiv li ppreżentajna nhar it-Tlieta u li jiġbor fih il-pjan kif ukoll l-istrateġija tal-Gvern fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, għamilna mill-ġdid din l-istedina miftuħa lis-settur privat.
Meta fis-sena 2009 kelli laqgħat mal-organizazzjoni tagħkom dwar l-aġġornament tal-istrateġija għall-immaniġġjar tal-iskart li kienet għadha kif ħarġet l-amministrazzjoni preċedenti, inthom flimkien ma’ oħrajn kontu ilmentajtu li għalkemm kumpanija bħall-WasteServ suppost li kellha tkun operatur li jidħol biss fejn ma jkunx jista’ jidħol jew jagħti sehmu l-privat, kien dehrilkom li l-kumpanija kienet qegħda timxi f’direzzjoni opposta. Dan billi tagħmel il-kuntrarju ta’ dak li kellu jkun il-mission statement tagħha. Jisgħobija ngħid li minn dak iż-żmien ‘l hawn ftit li xejn nbidel minn dan kollu u din lili tħassibni.
Għaliex filwaqt li ċerti entitajiet tal-Gvern xieraq jew le, għandhom l-fama u r-reputazzjoni li jippruvaw jeħilsu minn ċerti dmirijiet jew responsabilitajiet, meta nara entitajiet bħal dik li semmejt tagħmel bil-maqlub flok tgħaddih lill-privat minkejja l-qagħda finanzjarja kritika li tinsab fiha, mingħajr ma irrid nistaqsi lili nnifsi: X’hemm wara dan kollu? X’qed iwassal kumpanija li tiddependi sostanzjalment fuq sussidji ta’ min iħallas t-taxxi biex tkompli jżżid mal-piżijiet tagħha flok tipprova teħles minn ċerti attivitajiet? Speċjalment dawk li mhumiex parti mill-qalba tagħha. Qed nirreferi għal non core operations.
Jiena dejjem emmint li pjan fi kwalunkwe qasam tkun taf x’verament isarraf meta tiġi biex twettqu u timplimentah. M’aħniex neqsin minn pjani sbieħ fuq il-karti fi kwalunkwe qasam.
Dan jgħodd ukoll għal dak li għadni kif semmejt : l-istedina biex ikun hemm rwol akbar mis-settur privat f’qasam wiesgħa u mifrux bħal ma huwa l-immaniġġjar tal-iskart.
Il-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart iġib miegħu kemm opportunitajiet kif ukoll responsabilitajiet. Kulħadd mill-kbir saż-żgħir hemm bżonn li jaħdem bi trasparenza kbira u kontabilita’ sħiħa. Kemm biex ikun hemm kompetizzjoni verament ġusta fis-settur kif ukoll biex ikun hemm serħan il-moħħ li fil-qasam finanzjarju tal-operat ta’ dawn l-entitajiet kollox ikun qed jitmexxa skont ir-regoli stabbiliti.
Ma jagħmilx sens li wieħed jippriedka lil ħaddieħor dwar dak li jistenna minnu biex imbagħad huwa stess iżomm lura milli jagħmel dak kollu li huwa mistenni minn kwalunkwe ażjenda u intrapriża kummerċjali li tinzerta tkun qed topera f’pajjiżna.
Kien ta’ sodisfazzjoni għalija li fiż-żewġ laqgħat li kelli sa issa mal-organizazzjoni tagħkom u mal-GRTU tul il-ftit xhur li ilna fil-Gvern, dehrli li kienu laqgħat pożittivi, produttivi u kostruttivi. Daqstant ieħor kien ta’ sodisfazzjoni li meta f’Lulju li għadda konna ħriġna sejħa għall-ideat bħala parti mill-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni dwar l-istrateġija u l-ippjanar għall-immaniġġjar tal-iskart, il-Green MT għamlet għadd ta’ proposti lill-Project Team li ħejja d-dokument konsultattiv. Dawn il-proposti ġew miflija bl-attenzjoni li jixirqilhom.
Anke jssa mhuwiex tard wisq. F’din it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni għadna miftuħin għal aktar ideat u suġġerimenti minn naħa tagħkom u ta’ oħrajn ħalli meta nressqu dan id-dokument għall-approvazzjoni nkunu verament poġġejna fil-miżien u rajna l-feedback ta’ kulħadd. Speċjalment tal-protagonisti ewlenin fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Għalkemm il-proposti għall-Budget 2014 jibqgħu prerogattiva tal-Ministeru tal-Finanzi aħna ħarisna minn naħa tagħna wkoll lejn dak li ġie propost mill-mother organisation tagħkom il-GRTU. Speċjalment bħala miżuri intiżi biex ikattru l-fiduċja fl-ekonomija tal-pajjiż u anke jwasslu għall-aktar tkabbir ekonomiku.
Nista’ nassigurakom li fil-ħidma tagħna kemm f’pajjiżna stess ma’ ambaxxati u Gvernijiet barranin, kif ukoll fil-laqgħat li nattendi regolarment fuq livell ta’ Kunsill tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent, dejjem nisħqu għall-kooperazzjoni akbar fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart. Dan għaliex huwa qasam b’potenzjal kbir fejn fl-istadju li jinsab fih pajjizna qatt ma jaf biżżejjed.
Nemmen li m’għandniex niddejqu nuru li b’umilta’ kbira ninsabu lesti li nitgħallmu mill-aħjar prattiċi li ħaddieħor forsi ilu jipprattika snin sħaħ f’dan il-qasam. Fosthom dak li jissejjaħ extended producer responsibility.
Meta impenjajna ruħna kif digà fissirnilkom aħna stess anke f’taħdidiet li kellna magħkom, li sejrin inkunu qed nagħtu ħarsa ħolistika lejn il-qafas tal-eko-kontribuzzjoni konna qed nibgħatu sinjal ċar li l-ilmenti tagħkom ma jaqawx fuq widnejn torox. Dan għaliex wara kollox it-tħaddim tagħha sal-lum ma laqatx biss ħażin lilkom iżda fl-aħħar mill-aħħar anke lill-konsumatur, li f’ċerti każi ġew mgħoddija lilu ċerti piżijiet riżultat tat-tħaddim ħażin tas-sistema.
Inkun qed nonqos jekk ma ngħalaqx billi nisħaq dwar il-ħtieġa importanti u urġenti li wieħed għandu d-dmir u l-obbligu li jħares mill-ġdid u jifli l-operat tal-Kunsilli Lokali fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.
Irridu naraw kif verament qed jaħdmu l-operaturi tal-iskemi u l-Kunsilli Lokali nfushom, saħansitra bejniethom ukoll. X’riżultati qed jagħtu, għaliex hemm ċertu telqa f’ċerti lokalitajiet, jekk il-piżijiet humiex jintrefgħu kif u kemm suppost, kif ukoll jekk nistgħux nirrikorru għal dawk li jissejjħu economies of scale f’pajjiż ċkejken bħal dan fejn il-frammentazzjoni f’ħafna biċċiet taf tkabbar il-problemi flok ssolvihom. .
Nistedinkom biex tkomplu tiddiskutu dan kollu mal-Project Team tagħna li għadu miftuħ għar-reazzjonijiet u suġġerimenti tagħkom.
L-ebda Gvern waħdu ma jista’ jagħmel suċċess minn xi pjan li jkun ħabbar jew approva. Speċjalment meta għandu quddiemu targets u miri tal-Unjoni Ewropeja li għadna ferm ‘il bogħod milli nilħqu.
Biex il-pjani u l-istrateġiji tagħna jagħtu l-frott hemm bżonn l-impenn u r-rieda tajba ta’ kull minn jopera f’dan is-settur. Għandna bżonn ukoll impenn minn naħa tal-pubbliku.
Meta nżommu f’moħħna li l-qasam tal-iskart illum kiber f’riżors importanti ħafna nintebħu kemm hija kbira u importanti l-isfida li għandna quddiemna.
Ninsab konvint li sejrin insibu lilkom warajna għall-ġid tagħkom stess u tal-membri tagħkom.
Grazzi mill-ġdid.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033