STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI
Għall-ewwel darba qbil mill-Birdlife u FKNK dwar ir-regolamenti l-ġodda tal-kaċċa u nsib imħabbra mill-Gvern
Is-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali laqa’ b’mod pożittiv il-qbil bejn il-Birdlife u l-FKNK dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-kaċċa u nsib mħabbra mill-Gvern fil-ġranet li għaddew. Waqt il-programm TVAM fuq PBS, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes qal li din hija l-ewwel darba li hemm qbil unanimu bejn il-partijiet kollha dwar il-leġliżlazzjoni tal-kaċċa u l-nsib.
Dan hekk kif illum ġew imnedija mill-Gvern Avviżi Legali li fihom irduppjaw il-penali għal każi serji ta’ krimini fuq l-għasafar. Il-penali huma fost l-aħrax fl-Ewropa. Waħda mill-iktar pieni ħorox hija dik ta’ 15,000 Ewro u sentenza ta’ ħabs għal massimu ta’ sentejn, u anke l-possibiltà ta’ teħid tal-liċenzja għal-għomru, kif ukoll konfiskazzjoni u mandazzjoni għal servizz komunitarju. Il-Gvern, aparti li għamel pieni aktar ħorox, tejjeb ukoll l-istandard ta’ kif inhi mmexxija l-kaċċa, fosthom dik li l-organizzazzjonijiet tal-kaċċa jridu rreġistrati bħala Organizzazzjoni mhux Governattiva (NGO). Ġew inklużi wkoll 10 speci oħra li huma mistħoqqa jkunu fil-lista tal-ogħla protezzjoni.
Il-Gvern waqqaf ukoll il-Wild Birds Regualtion Unit biex jirregola dan is-settur. Iktar minn hekk il-Gvern żied ukoll il-livell ta’ infurzar, tant, li matul dan l-istaġun tal-ħarifa hemm madwar 95 uffiċjal minn entitajiet differenti jagħmlu sorveljanza fi bnadi differenti. Dan l-ammont huwa d-doppju minn dak mitlub mill-Ewropa, speċjalment meta jiġi kkunsidrat l-ammont ta’ art li għandu l-pajjiż.
Intant, waqt l-istess programm, l-Onor. Galdes qal li wara l-bidla fil-Gvern, sab 600 każi pendenti fil-Qorti dwar issues ta’ kaċċa u nsib u li kien għalhekk li l-Gvern ħaseb biex idaħħal il-multi, biex inaqqas piż minn fuq il-Qrati Maltin.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033