JIBDA JILTAQA’ L-KUMITAT MAGĦŻUL TAL-KAMRA DWAR IT-TWAQQIF TA’ UFFIĊĊJU TA’ KUMMISSARJU U TA’ KUMITAT PERMANENTI DWAR L-ISTANDARDS, L-ETIKA U L-IMĠIBA XIERQA FIL-ĦAJJA PUBBLIKA
Fis-16 ta’ Ottubru 2013 il-Kamra unanimament approvat mozzjoni biex jinħatar Kumitat Magħżul bil-mandat li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Parlament dwar it-twaqqif ta’ Uffiċċju ta’ Kummissarju u ta’ Kumitat Permanenti dwar l-istandards, l-etika u l-imġiba xierqa fil-ħajja pubblika.
Dan il-Kumitat Magħżul iltaqa’ għall-ewwel darba llum 25 ta’ Ottubru fil-5.00 p.m. Il-laqgħa kienet ippreseduta mill-Ispeaker u bħala Membri pparteċipaw il-Ministru għall-Affarijiet Barranin l-Onor. George W. Vella, l-Onor. Carmelo Abela bħala sostitut tal-Onor. Justyne Caruana, l-Onor. Francis Zammit Dimech u l-Onor. Ryan Callus.
F’din l-ewwel laqgħa l-Kumitat qabel dwar liema proċedura għandha tintuża mill-Kumitat kif ukoll fassal programm ta’ xogħol skont it-termini ta’ riferenza stabbiliti fil-mozzjoni msemmija hawn fuq.
Il-Kumitat wera x-xewqa li qabel jasal għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu jkun l-ewwel sema x’għandha xi tgħid is-soċjetà ċivili. Għaldaqstant il-Membri kollha qablu li għandu jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Kumitat għalhekk qiegħed jilqa’ l-kontribut ta’ kull min hu interessat billi jistieden opinjonijiet, suġġerimenti jew rakkomandazzjonijiet bl-email fuq selectcommittee@parlament.mt jew bil-posta indirizzat lill-Iskrivan tal-Kamra, Kamra tad-Deputati, il-Belt Valletta VLT1115. Peress li l-Kumitat huwa marbut li sal-15 ta’ Diċembru jirrapporta lill-Kamra, il-kontribuzzjonijiet għandhom jaslu f’dan l-uffiċċju mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru 2013.
Il-ħsieb huwa li iktar tard il-Kumitat jorganizza sessjoni apposta biex jisma’ direttament gruppi u għaqdiet li jkunu jridu jfissru l-ideat tagħhom dwar il-materja msemmija fil-mozzjoni.
Il-laqgħat ta’ dan il-Kumitat Magħżul huma kollha miftuħa għall-pubbliku u jistgħu jiġu segwiti wkoll b’mod dirett minn fuq is-sit tal-Parlament www.parlament.mt.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033