Left arrow Go Back

IPPREŻENTAT L-ABBOZZ TAL-PJAN NAZZJONALI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART GĦAS-SNIN 2013-2020: FROTT TA’ KONSULTAZZJONI WIESGĦA MAN-NIES

pr2346
Date Icon 22/10/2013

Illum il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ippreżenta l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart għas-snin 2013-2020.



Il-Ministru Brincat qal li dan l-abbozz huwa frott ta’ konsultazzjoni wiesgħa li saret man-nies tul ix-xhur tas-Sajf wara li fil-bidu ta’ Lulju kien ġie mħabbar il-qafas tal-pjan. Dan huwa l-aktar pjan li qatt kellu tweġibiet mill-pubbliku tant li ż-żmien ta’ konsultazzjoni kellu saħansitra jittawwal qabel tlesta dan l-abbozz.



Spjega li l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart għas-snin 2013-2020 ġie mfassal skont linji gwida tal-Unjoni Ewropeja li kienu ppubblikati sena ilu.



Mhux biss jiġbor fih pjan dwar l-immaniġġjar tal-iskart iżda wkoll strateġija nazzjonali u anke miżuri prattiċi dwar kif l-iskart jista’ saħansitra jitnaqqas.



Il-Ministru Brincat spjega li l-pjan ser ikun rivedut u aġġornat kull tliet snin ħalli jiġi żgurat li jkun qed jirrifletti fedelment ir-riżultati miksuba sa’ dak inhar.



Qal li fl-istess waqt li qed jitħabbar l-abbozz tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart qed isir ukoll kif obbligat li jagħmel il-Gvern, Strategic  Environmental Assessment (SEA).



Bis-sehem ta’ kulħadd il-pjan ikun suċċess



Il-Ministru Leo Brincat qal li bħala Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart qed ikun qed iħares lejn id-drawwiet tan-nies, il-volumi ta’ skart, il-prattiċi eżistenti tal-ġbir tal-iskart u l-infrastruttura preżenti u futura fil-qasam tal-iskart.



Għalkemm dak ippreżentat illum għadu biss abbozz u jista’ jinbidel sakemm jiġi finalizzat il-Ministru Brincat qal li huwa jara li bħala prijoritajiet fost oħrajn jindirizza dan li ġej:



·         Separazzjoni aktar effettiva tal-iskart mis-sors oriġinali tiegħu, u taħlit anqas bejn skart kummerċjali u domestiku fl-ibliet u rħula Maltin.

·        Rwol akbar għas-settur privat fl-immaniġġjar tal-iskart

·        Il-Gvern qed jimmira li idealment jillimita r-rwol tiegħu għal tisħiħ ta’ policies u jkollu rwol regolatorju, edukattiv u funzjoni ta’ komunikazzjoni

·        Stimolu għall-ħolqien ta’ green jobs  b’valur miżjud għoli

·         Tisħieħ fl-operat tal-WasteServ li għandha verament tidħol biss fejn ma jistax u ma jkunx irid jidħol il-privat

·         Tisħieħ tar-relazzjoni bejn ir-regolatur u l-operaturi tal-iskart biex tiddaħħal aktar serjetà u kontabilità f’dan il-qasam li llum sar riżors ta’ miljuni ta’ ewro

·        Tiġi indirizzata ż-żieda fenomenali fi skart mill-ikel li jlaħħaq madwar 22 % tal-iskart kollu u 56% tal-iskart domestiku

·        Il-ħtieġa li l-impjanti eżistenti jiġġeneraw aktar enerġija rinovabbli kif originarjment maħsub

·         It-tisħiħ tar-relazzjoni bejn Gvern u Gvern Lokali fil-ġbir tal-iskart permezz t’ aktar trasparenza u audit trail aktar effettiva

·         Ħidma flimkien mal-iżviluppaturi biex jitnaqqas l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni u d-demolizzjoni. Xi ħaġa li sa sentejn ilu kienet tammonta għal 68% tal-iskart kollu totali f’pajjiżna

·        Ħarsa mill-ġdid lejn l-operat kollu u l-qafas leġislattiv tal-eko kontribuzzjoni

·         Kampanja intensiva ta’ edukazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni dwar l-immaniġġjar tal-iskart li tinkludi wkoll s-social media

·        Il-pjan finali meta approvat jiġi maqlub għall-Malti



Il-Ministru Leo Brincat qal  li kulħadd huwa mistieden biex jagħti sehmu biex il-pjan jirnexxi, mill-Gvern innifsu sas-settur privat u kull membru tas-soċjetà ċivili għaliex dawn kollha f’daqqa jibqgħu ċ-ċavetta għas-suċċess tal-pjan.



Qal li pjan bħal dan mhux biss huwa meħtieġ għaliex l-Unjoni Ewropeja kienet tat lill-Gvern ta’ qabel sa tmiem din is-sena biex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu, jżda għaliex il-qasam tal-iskart jiġbor flimkien il-ħarsien ambjentali, aspetti ta’ saħħa pubblika u diversi fatturi soċjo-ekonomiċi.





Il-Gvern mhuwiex ser jieqaf hawn



Għal xahar sħiħ il-Gvern ser ikompli bil-konsultazzjonijiet pubbliċi dwar dan l-abbozz mal-entitajiet kollha ikkonċernati. Anke l-pubbliku jista’ jaċċessa dan l-abbozz fuq is-sit elettroniku www.environment.gov.mt u jibgħat is-suġġerimenti tieghu fuq l-indirizz elettroniku sustainablewaste.environment@gov.mt



Il-Ministru Leo Brincat spjega li l-ħsieb tal-Gvern huwa li fil-jiem li ġejjin jiddiskuti id-dokument konsultattiv fi ħdan l-MCESD.



Fakkar li meta kienet ġiet aġġornata l-istrateġija tas-sena 2009 kienet l-Oppożizzjoni nnifisha li talbet għal dibattitu bla vot fil-Parlament wara li l-Kabinett kien approva l-istrateġija. Dan il-Gvern minn rajh qed joffri bil-quddiem lill-Oppożizzjoni l-opportunità li jssir diskussjoni simili wara li l-pjan jiġi finalizzat u approvat mill-Kabinett.



Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern qed jaħseb biex iressaq il-pjan finali lill-Unjoni Ewropeja sa tmiem din is-sena. Qal li l-qofol ta’ kollox sejjer ikun dwar kemm ser jirnexxi l-pjan jew le fl-implimentazzjoni u fit-tħaddim tiegħu.



Il-mira tal-Gvern hija li titkisser ir-rabta bejn tkabbir ekonomiku u żieda fl-iskart iġġenerat. Xi ħaġa li diġà qed jagħmlu numru ta’ pajjiżi ewropej.

PR2346a_Waste Management Plan 2013 - 2020 - Consultation Document October 2013.pdfPR2346a_Waste Management Plan 2013 - 2020 - Consultation Document October 2013.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow