IL-GVERN KOMMESS LI JKOMPLI JAĦDEM MAL-PRIVAT BIEX JIĠI ATTIRAT INVESTIMENT ĠDID FIS-SETTUR TAL-PROPRJETÀ
Illum wara nofsinhar il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Dr Edward Zammit Lewis żaru l-iżvilupp tal-proġett Q1 f’Tigné Point.
Meta tkellem mal-ġurnalisti, Dr Cardona għamel referenza għal kif il-Parlament qabel unanimament mal-kuntratt ta’ trasferiment ta’ Tigné Point u partijiet ta’ Manoel Island lil MIDI.
“Dan il-proġett huwa eżempju ta’ kif il-Gvern u s-settur privat jistgħu jaħdmu flimkien biex jattiraw investiment lejn il-pajjiż. Is-suċċess ta’ din il-blokka ġdida juri li għad hemm domanda qawwija għal proprjetà ta’ kwalità għolja u qed jirnexxielna nattiraw investituri mid-dinja kollha biex jiġu jgħixu Malta.”
Il-Ministru Cardona qal li s-settur tal-proprjetà huwa settur importanti għall-ekonomija Maltija u huwa fl-interess ta’ kulħadd li dan is-settur imur tajjeb għaliex minn dejjem kien settur li ħoloq l-impjiegi. Għalhekk dan l-Gvern minnufih beda l-ħidma, mingħajr l-ebda telf ta’ żmien, biex iqajjem is-suq tal-proprjetà b’mod sostenibbli.
Dr Zammit Lewis qal li l-Gvern ġdid nieda il-Global Residence Programme f’Ġunju biex persuni li jgħixu barra l-UE jkunu jistgħu jixtru proprjetà ta valur għoli bħal dak ta Tigné Point.
“Jien se naħdem id f’id ma dawk kollha involuti biex Malta tkun destinazzjoni ta’ eċċellenza fis-settur tal-ġid personali. Il-Gvern se jkompli jagħti appoġġ kontinwu biex dan il-programm jimxi ’l quddiem u jilħaq il- potenzjal tiegħu għal iktar tkabbir ekonomiku.”
Il-MIDI laqgħet bi pjaċir l-inizjattiva tal-Gvern magħrufa bħala Global Residence Programme li tikkunsidra bħala pass fid-direzzjoni t-tajba għas-settur tal-proprjetà.
Minn mindu tnieda l-Global Residence Programme f’Ġunju li għadda, 30 mid-39 appartament f’Q1 Tigné Point inbiegħu, uħud minnhom lil barranin stess. Dan juri fiduċja sħiħa fis-suq tal-proprjetà u l-politika tal-Gvern għall-Investiment barrani.
Wara Q1 se jkun hemm it-Tigné Point Business Centre li se jipprovdi madwar 13,000 metru kwadru ta’ spazju għall-uffiċċji ta’ kwalità superjuri u taħthom stabbilimenti tal-ikel li jagħtu fuq Pjazza Tigné u l-baħar. L-iżvilupp f’ Tigné Point se jkun jinkludi wkoll il-bini ta’ blokka residenzjali finali ta 64 appartament.
“Ir-rispons li rċevejna kemm mix-xerrejja lokali kif ukoll mill-barranin kienet xi ħaġa fenomenali. Il-MIDI kienet diġà biegħet il-281 appartament li kienu fuq is-suq f’Tigné Point qabel u jidher ċar li d-domanda għal proprjetà ta’ kwalità ma naqsitx minn dak iż-żmien,” qal iċ-ċermen tal-MIDI plc Albert Mizzi.
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033