L-ORKESTRA FILARMONIKA TA’ MALTA MISTIEDNA DDUR F’TOUR MUŻIKA FIĊ-ĊINA
Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali, José Herrera ħabbar li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ġiet mistiedna biex tagħmel tour mużikali fiċ-Ċina. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ġiet mistiedna biex tagħmel dan it-tour mużikali fl-aħħar tas-sena d-dieħla. José Herrera qal li dan huwa proġett li lilu jimlih b’kuraġġ issa li pajjiżna qed iħejji bil-kbir għas-sena 2018 meta dakinhar il-Belt Valletta ser tkun qed iġġorr it-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea.
Huwa qal dan fil-preżenza tal-mużiċisti membri tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-istaġun 2013 – 2014 f’Robert Samut Hall, il-Furjana.
Dr Herrera faħħar l-impenn tal-Orkestra u qal li miexja fit-triq it-tajba imma jrid isir aktar biex l-entità timmira lejn il-livell tal-eċċellenza. Semma l-Orkestra taż-Żgħażagħ fi ħdan l-MPO u qal li din qed tagħmel biċċa tajba madanakollu qal li dan l-esperiment jixtieq li jarah jiżviluppa aktar.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar ix-xogħol tac-chairman u l-Bord immexxi minnu, u qal li l-Orkestra qed titmexxa fuq livelli professjonali ħafna b’ċertu imħabba u entużjażmu. “L-Orkestra hija ass indispensabbli u importanti fis-settur kulturali tagħna. Din hija l-unika entità li tħaddem muziċisti full time. Hija ukoll waħda mill-ftit spazji li pajjiżna joffri lil dawk il-mużiċisti li jixtiequ jsegwu karriera fil-prattika tal-mużika”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Dr Herrera kompla jgħid li l-mużiċisti tagħna huma professjonisti daqs kwalunkwe professjonist ieħor imma l-kundizzjonijiet tagħhom ma jirriflettux dan. Għalhekk il-Gvern qed jimbotta l-ħsieb tal-ekonomija kreattiva biex il-kundizzjonijiet tal-artisti, inkluż tal-mużiċisti, jogħlew għaliex fl-istess waqt jogħla wkoll l-kontribut dirett li l-industrija kreattiva (l-kultura) tibda tagħti lill-ekonomija. Xi ħaġa, qal Herrera, li bħalissa mhux qed tiġri għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra. Għalhekk, qal is-Segretarju Parlamentari, fiż-żmien li ġej il-Gvern mistenni jintroduċi abbozz ta’ liġi favur l-industrija Kreattiva.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-kap eżekuttiv tal-Orkestra Sigmund Mifsud li spjega l-programm mużikali tal-Orkestra.
Huwa qal li għal dan l-istaġun l-Orkestra se tippreżenta ’l fuq minn 50 kunċert, bil-parteċipazzjoni ta’ personalitajiet lokali u barranin ta’ fama internazzjonali.
Preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet kien hemm id-Direttur Residenti tal-Orkestra Michael Laus.
Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti u l-kunċerti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku www.maltaorchestra.com
pr2332a.pdf
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033