IL-GRUPP TAL-BANK DINJI QED JAGĦRAF IL-FATT LI T-TIBDIL FIL-KLIMA QED JOLQOT L-AKTAR ĦAŻIN LIN-NIES L-AKTAR VULNERABBLI U FQAR - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Meta dalgħodu kien qiegħed jindirizza konferenza organizzata mill-SKOP – Pjattaforma Nazzjonali ta’ l-NGDOs Maltin il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li teżisti rabta qawwija bejn it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp għaliex l-aktar gruppi ta’ nies vulnerabbli huma l-aktar li qed jintlaqtu ħażin minn dan it-tibdil.
Għalkemm il-finanzjament għal dawk milquta ħażin mit-tibdil fil-klima mistenni jkun fuq l-aġenda tas-Summit li ser isir f’Varsavja l-Polonja x-xahar id-dieħel, għad hemm baħar jaqsam bejn il-flejjes mwiegħda u dawk attwalment mħallsa.
Filwaqt li huwa xieraq li wieħed jitkellem dwar kif ser jiġu indirizzati l-isfidi li qed iġib it-tibdil fil-klima wara s-sena 2015, wieħed irid iżomm f’moħħu li t-tibdil fil-klima qed iseħħ ukoll bħalissa. Tant li dawk l-aktar vulnerabbli u fost l-aktar foqra qed jintlaqtu ħażin.
Il-Ministru Leo Brincat qal li l-fenomenu tal-climate refugees ma jistax jitpoġġa taħt it-tapit minħabba li sal-lum dawn m’għandhom l-ebda status quddiem il-liġi internazzjonali. Qal li kull proċess ta’ żvilupp għandu jiġbor fih miżuri ta’ adattazzjoni għall-problemi tal-klima u l-effetti li dawn għandhom fuq ċittadini partikulari. Huwa ħeġġeġ biex din il-kwistjoni tiġi trattata fuq livell globali.
Dwar ir-rapport maħruġ riċentament tal-Intergovernmental Panel on Climate Change, l-IPCC qal li dan jikkonferma li mhuwiex minnu li t-tibdil fil-klima waqaf fis-sena 1998. Agħar minn hekk ħareġ ċar li t-tibdil fil-klima qiegħed ikompli jgħarraq il-qagħda ta’ dawk li diġà jinsabu jsofru minn kundizzjonijiet ħżiena fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-Ministru Brincat qal li huwa ta’ inkoraġġament il-fatt li l-grupp tal-Bank Dinji qiegħed jagħraf il-bżonn li tiġi indirizzata b’urġenza l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u l-faqar għaliex inkella ser tonqos is-sigurtà fid-dinja. Saħansitra l-Bank Dinji qal li jekk dan ma jsirx miljuni ta’ nies ser jibqgħu priġunieri tal-faqar.
Huwa qal li mhux biss hemm ħtieġa kbira biex il-pajjiżi kollha juru rieda politika qawwija biex tiġi indirizzata din il-problema, iżda wkoll hemm bżonn urġenti li l-klassi tad-diriġenti u dawk fil-politika jagħtu aktar widen għal dak li ilu jintqal anke b’mod xjentifiku, dwar il-fattur inkwetanti tat-tibdil fil-klima.
Diskors mehmuż
Other Press Releases:
PR262034
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...
PR262033
pr2282a.pdf