Left arrow Go Back

FESTIVAL TAĊ-ĊIKKULATA FIL-ĦAMRUN

pr2277
Date Icon 17/10/2013

Il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ser jorganizza l-ħames edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata fil-Ħamrun nhar is-Sibt 19 t’Ottubru filgħaxija.

Waqt konferenza stampa li fiha ngħata t-tagħrif dwar din l-attività, l-Onor José Herrera,  Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali, tkellem dwar it-tradizzjonijiet u l-wirt li ksibna mill-Kavallieri. “Huwa ta’ sodisfazzjon li naraw il-Kunsilli Lokali jagħmlu riċerka sabiex jiskopru dik ix-xi ħaġa li tiddistingwi lokalità minn oħra u li fl-aħħar mill-aħħar tagħti identità unika lil din il-belt jew raħal.”

B’referenza għall-proġett li ġie varat il-ġimgħa l-oħra mill-V.18 fejn din l-entità qegħda taħdem mal-Università ta’ Malta sabiex jinfetaħ sit eletroniku li fih ser jiġu identfikati fuq mappa ta’ Malta kull tip ta’ attività kulturali u storika li hawn f’pajjiżna, l-Onor Herrera ħeġġeġ lill-Kunsilli sabiex ikunu parteċipi f’dawn it-tip ta’ attivitajiet. “Il-Gvern, permezz ta’ dawn l-inizjattivi qed jagħmel minn kollox sabiex dawn it-tip ta’ attivitajiet kulturali u popolari jkunu identifikati kemm għall-skop ta’ preservazzjoni kif ukoll għall-skop ta’ pubbliċità. Permezz ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni kull individwu li jixtieq ikun jaf l-attività kulturali f’pajjiżna jista’ jsibha faċilment. Fil-futur qarib ser inkunu aktar qrib il-Kunsilli sabiex nagħtu t-tagħrif meħtieġ sabiex nixprunaw aktar ideat u nlaħħmu dawn it-tip ta’ attivitajiet, din id-darba min-nies tal-lokalità nnifisha.”

Matul il-konferenza stampa tkellmu is-Sindku tal-Ħamrun Vince Bonello, Mario Camilleri u l-prim dulċier taċ-ċikkulata Andrew Farrugia li s-sena li għaddiet fi Brussels, waqqaf  record ġdid fil-Guinness World Record  tal-akbar struttura taċ-ċikkulata fid-dinja. Imsejsa fuq is-suċċessi mgħoddija, l-organizzaturi marru aktar ’il quddiem u dan biex jagħtu idea internazzjonali ta’ dawn il-festi bis-sehem ta’  oħrajn u b’ideat ġodda u b’attrazzjonijiet uniċi. Is-sena l-oħra, kien hemm attendenza ta’ aktar minn ħamsa u għoxrin elf ruħ. Huwa għalhekk li Festival taċ-Ċikkulata qiegħed jitqies bħala festa  unika li tagħti opportunità speċjali lil dawk li jattendu biex jitpaxxew b’varjetà kbira ta’ prodotti relatati maċ-ċikkulata.

Matul dimostrazzjoni li ser tiġi organizzata fil-post, koki professjonali, ħabbieża u dawk li jagħmlu ċ-ċikkulata ser juru lill-viżitaturi kreazzjoni u riċetti biċ-ċikkulata li jkunu jistgħu jippruvaw huma stess.  Ser tiġi mogħtija attenzjoni lill-varjetà kbira ta’ kif “tapplika l-kreatività biċ-ċikkulata.  Din is-sena se jkun hemm ideat ġodda b’attrazzjonijiet uniċi bħal mudell ta’ Harley Davidson u Xini Spanjol kollha magħmula miċ-ċikkulata.

Attrazzjonijiet oħra jinkludu tpinġija fuq il-kanvas biċ-ċikkulata, tattoo u body painting biċ-ċikkulata. Għal dawk li jixtiequ jippruvaw xi ħaġa ġdida ser ikun hemm massaġġ biċ-ċikkulata. Ġorġ u Pawlu ser ikunu qed iferrħu lill-dawk preżenti permezz ta’ logħob biċ-ċikkulata u ħafna attivitajiet oħra.

Din l-attività qed issir bil-kollaborazzjoni tas-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu flimkien mal-Benna (main sponsors), Goodies u Maypole Bakery flimkien  ma’diversi għaqdiet mill-Ħamrun.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  10 appartamenti ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Paola

PR262034

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET 10 appartamenti...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta tħares lejn l-esperjenza Irlandiża biex tkompli ssaħħaħ il-kunsilli lokali

PR262033

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-GVERN LOKALI U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Malta t...

More Press Releases Right arrow