Il-gvern identifika s-settur tal-‘Business Aviation’ bħala wieħed ta’ tkabbir fejn pajjiżna jista’ jaġħmel suċċess
Il-Ministru għat-Turizmu l-Onor. Karmenu Vella jħabbar li dalwaqt tkun imnedija White Paper għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali dwar l-Avjazzjoni.
Is-settur tal-Business Aviation huwa kkunsidrat mill-Gvern Malti bħala wieħed ta’ tkabbir u li fih pajjiżna jista’ jagħmel suċċess, grazzi anke għall-ħaddiema kwalifikati u mħarrġa li jezistu fil-qasam.
Meta kien qed jindirizza t-tieni Mediterranean Business Aviation Conference li saret f’lukanda ewlenija f’Tas-Sliema, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella tkellem dwar il-potenzjal li għandha Malta f’dan il-qasam. Semma’ kif dan is-settur qed isir parti mill-ekonomija Maltija b’rata mgħaġġla, fejn jikkontribwixxi aktar minn 30% tar-reġistru tal-ajruplani, fl-istess ħin li joħloq numru ta’ servizzi.
Il-Ministru Vella fisser kif għall-ewwel darba fl-istorja, is-settur tal-avjazzjoni ġie elevat għal-livell Ministerjali, b’waħda mill-ewwel deċiżjonijiet meħuda mill-Ministeru għat-Turiżmu tkun dik li jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv dwar l-Avjazzjoni sabiex tkun imfassla Politika Nazzjonali dwar l-Avjazzjoni, flimkien mat-twaqqif ta’ Awtorità dwar l-Avjazzjoni Ċivili (Civil Aviation Authority). F’dan ir-rigward il-Ministru Karmenu Vella ħabbar kif bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun ippublikata White Paper għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali dwar l-Avjazzjoni. Dan id-dokument mistenni jelenka bosta setturi li pajjiżna jista’ jisfrutta bħala parti mill-pjan nazzjonali ta’ riforma sabiex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea sas-sena 2020. Dawn jinkludu fost l-oħrajn xogħol relatat mal-manutenzjoni, tiswija u overhaul t’ajruplani, ħolqien ta’ call centres għal aviation businesses, reġistrazzjoni u faċilitajiet ta’ kiri ta’ ajruplani, kif ukoll riċerka u żvilupp f’teknoloġija tal-ajruplani u avionics.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella qal li Malta toffri bosta inċentivi għall-kumpaniji li jixtiequ joperaw minn pajjiżna fosthom pakketti fiskali attraenti fejn ħafna kumpaniji barranin iħallsu biss taxxa ta’ 5% hekk kif pajjiżna għandu ftehim fuq taxxa doppja ma’ aktar minn 50 pajjiż differenti.
Il-Ministru Vella kkwota statistika li turi kif fl-għaxar snin li ġejjin, huwa stmat li jinbiegħu mal-10,000 business jet ġdid stmati li jiswew mal-250 biljun dollaru Amerikan, b’50% minnhom lejn is-suq tal-Amerika ta’ Fuq biss. Fl-istess ħin żied jgħid li Malta tinsab f’nofs l-attività tal-aviation business li sseħħ fl-Ewropa, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, li bejniethom għandhom għandhom mal-25% tas-suq.
Dan is-settur jorbot ukoll mal-qasam turistiku, bil-Ministru għat-Turiżmu jispjega kif ajruplani żgħar qed jintużaw ukoll għal skopijijet ta’ divertiment lejn bosta destinazzjonijiet fosthom Nizza, Cannes, Ibiza, Malaga, Mallorka kif ukoll Malta. Il-Ministru Karmenu Vella temm jgħid li huwa propju f’dan il-kuntest li s-settur tal-Business Aviation jista’ jkun ta’ utilità għal pajjiżna biex dan is-suq ikun esplorat.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031