Left arrow Go Back

IL-5 EDIZZJONI TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI SENGLEA MARITTIMA

pr1944
Date Icon 13/09/2013

IL-5 EDIZZJONI TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI  SENGLEA MARITTIMA

L-Isla tilqa’ delegati ta’ Konferenza tal-U.E. f’ċelebrazzjoni tal-wirt marittimu

Żewġ esibizzjonijiet, waħda mill-artist Taljan Cari Privitera, u l-oħra mtellgħa mis-Senglea Historical Society, tnedew fil-lejla tat-12 ta’ Settembru waqt iċ-ċerimonja inawgurali tal-ħames edizzjoni tal-Festival Internazzjonali Senglea Marittima f’Misraħ 4 ta’ Settembru ġewwa l-Isla.

Silenzio, li qed tittella’ ġewwa l-Każin tal-Banda La Vincitrice, hi esibizzjoni ta’ xogħlijiet tal-iskultur Sqalli Cari Privitera. Mill-banda l-oħra ġewwa s-sede tal-Azzjoni Kattolika, dejjem f’Misraħ 4 ta’ Settembru, tinstab l-esibizzjoni Exodus mtellgħa mis-Senglea Historical Society. Is-serata inawgurali wasslet ukoll wirjiet mill-Grupp Vokali minn Daugavpils mil-Latvja u mill-Grupp Malti Kantilena.

Il-Festival kien inawgurat minn Dr Josè Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, li fid-diskors tiegħu tkellem dwar l-għeruq marittimi tant b’saħħithom ta’ din il-belt, kif ukoll dwar ir-rabta tagħha mal-baħar. “Inħeġġeġ mhux biss lis-Sengleani, iżda lil nies minn kull parti ta’ pajjiżna, biex f’dan it-tmiem il-ġimgħa jattendu dan il-Festival u jgawdu u japprezzaw dak kollu li joffri: kultura, divertiment, u tant ħwejjeġ oħra,” qal Dr Herrera.

Is-Sindku tal-Isla, Justin J. Camilleri, wassal kelmtejn ta’ introduzzjoni u warajh tkellem Joe Scerri, Direttur Artistiku tal-Festival, li ta’ informazzjoni dwar l-avvenimenti prinċipali li se jseħħu tul dawn il-jiem tal-Festival li qed jinżamm taħt l-awspiċi tal-European Destinations of Excellence and Aquatic Tourism Eden 2010.

Dan il-Festival irċieva ukoll is-sapport mill-Programm tal-Unjoni Ewropea ‘Ewropa għaċ-Ċittadini’ (Action 1 Measure 1.2 Networks of twinned towns),  is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali, il-MEUSAC, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, u diversi negozji lokali, fosthom Artsphere International, Bank of Valletta plc, Coca-Cola, Palumbo shipyard and superyacht facilities, Malta Maritime Pilots, Villa del Porto, John Ripard & Son (Shipping) Ltd, Green MT, Camper and Nicholsons, Grand Harbour Marina, Emmanuel Delicata Winemakers, Grimaldi and  Sullivan Maritime.

Fl-istess jiem ta’ dan il-Festival, ġewwa l-Isla qed tinżamm ukoll il-Konferenza ‘Il-Qawmien Mill-Ġdid ta’ Bliet Antiki’, liema konferenza qed tibda proġett finanzjat mill-Unjoni Ewropea, li jtul sena sħiħa, u li jsieħeb lill-Isla ma’ bliet mill-Italja, l-Latvja u l-l-Litwanja.

Wieħed mill-mistiedna waqt l-inawgurazzjoni wassal il-ħsieb ta’ bosta meta kkummenta dwar il-programm impressjonanti li nħaseb u li qed ikun organizzat għal dan l-avveniment. “Kull sena l-Festival Senglea Marittima qed jagħtina ċ-ċans li nerġgħu ningħaqdu mal-passat tagħna u napprezzaw il-wirt tant sinjur li l-Isla għandha x’toffri.”

Persuna oħra osservat: “Nies minn l-Isla u minn inħawi oħra ngħaqdu flimkien u bħal dejjem qamu għall-okkażjoni, biex jagħtuna l-opportunità naqsmu u napprezzaw il-wirt marittimu varjat tagħna.”

Aktar informazzjoni tinkiseb fuq numri 2166 2424 / 2701 3004 jew bi żjara fuq is-sit www.maritimesenglea.com.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow