Left arrow Go Back

IL-QAWMIEN MILL-ĠDID TA’ BLIET ANTIKI

pr1943
Date Icon 13/09/2013

Il-Konferenza fl-Isla tagħti bidu għal proġett li jtul 12-il xahar u li jsieħeb flimkien erba’ bliet Ewropej

Illum (12 ta’ Settembru 2013), ġewwa l-Isla,  bdiet konferenza internazzjonali bħala parti mill-proġett ‘Il-Qawmien Mill-Ġdid ta’ Bliet Antiki’. Dan il-proġett hu mifrux fuq 12-il xahar, u huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Programm ‘Ewropa għaċ-Ċittadini’ (Action 1 Measure 1.2 Networks of twinned towns, u mill-Gvern Malti. Il-MEUSAC għen dan il-proġett billi assista lill-Kunsill Lokali tal-Isla f’laqgħat ta’ tħejjija waqt il-proċess u l-ħin tal-applikazzjoni.

It-tliet imsieħba l-oħra f’dan il-proġett internazzjonali huma l-bliet ta’ Zarasai, fil-Litwanja; Daugavpils, fil-Latvja; u Fara San Martino, fl-Italja. Kemm Zarasai kif ukoll Daugavpils, f’Mejju 2014 se jilqgħu konferenzi ta’ tkomplija, waqt li Fara San Martino jospità l-konferenza tiegħu f’Awwissu, biex imbagħad l-aħħar sessjoni tal-konferenza li tikkonkludi l-proġett, tinżamm mill-ġdid ġewwa l-Isla f’Settembru 2014.

Kull konferenza għandha tema differenti relatata mal-qawmien mill-ġdid ta’ bliet antiki. It-titli/suġġetti tal-erba’ konferenzi huma: l-Isla - Physical Infrastructure; Zarasai - Performing Arts; Daugavpils - Re-Imagining The City; u Fara San Martino -  Active Citizenship.

Kull belt, fl-istess jiem tal-konferenza tagħha, sejra wkoll torganizza festival. Mil-lum ġewwa l-Isla tibda l-ħames edizzjoni tal-festival internazzjonali Senglea Marittima. Imbagħad f’jiem il-konferenza ġewwa Zarasai se jkun qed jiġi organizzat Festival Internazzjonali ta’ Folklor u Arti, l-istess isir waqt il-konferenza f’Daugavpils meta jittella’ l-Festival tal-istess belt, u hekk ukoll f’Awwissu ġewwa Fara San Martino meta jsir il-Festival Gole e Sapore.

Il-wirt komuni li jgħaqqad dawn l-erba’ bliet fil-proġett ‘Il-Qawmien Mill-Ġdid ta’ Bliet Antiki’, huwa t-Tieni Gwerra Dinjija, li ħalliet effett sinjifikattiv fuq il-ħajja kulturali, l-aktar permezz il-binjiet li ntlaqtu tul l-attakki mill-ajru iżda li salvaw minn qerda totali, l-isforzi biex jiġu preservati teżori f’dawn il-lokalitajiet, u ċ-ċaqlieq furzat tal-popolazzjoni. Filfatt riżultat tal-gwerra l-popolazzjoni ta’ dawn l-erba’ bliet naqset ferm, l-aktar ġewwa l-Isla.

Il-Proġett jimmira biex joħloq identità madwar dawn l-erba’ bliet, u biex ibiddel il-ħsieb tal-popli tagħhom b’tali mod li jwassalhom iwettqu r-realizzazzjoni tal-opportunitajiet kawżati mill-effett ta’ belt ‘tiċkien’. Il-miri ewlenin tal-Proġett huma:

•         li jitwaqqaf il-ħruġ minnhom tal-poplu tagħhom;

• żieda f’parteċipazzjoni attiva miċ-ċittadini;

• ħolqien ta’ identità permezz tal-istorja u l-edukazzjoni;

• qawmien ġdid tas-settur artistiku; u

• żieda ta’ attività ekonomika

Aktar minn 300 parteċipant ġejjin mil-Litwanja, l-Latvja, l-Italja, u minn Malta  huma mistennija li jattendu l-konferenza. Dawn jinkludu kunsilliera, riċerkaturi, akkademiċi, dawk li jfasslu l-politika, artisti, sidien ta’ negozji żgħar fis-settur tar-rikreazzjoni, organizzazzjonijiet mhux governattivi, pensjonanti u tfal tal-iskola.

Dr Josè Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, laqa’ lid-delegati għal din il-konferenza li se ddum erbat ijiem, u awgura li jintlaħqu l-miri tagħha u tal-proġett sħiħ mifrux fuq sena.

“Intom poġġejtu quddiemkom tragwardi ambizzjużi, iżda l-esperjenzi komuni tal-popli tal-erba’ pajjiżi, u l-għan li lejh qed timmiraw flimkien għandhom iwasslu għas-suċċess tal-Proġett li din il-Konferenza fl-Isla qegħda tinawgura,” qal Dr Herrera.

Dr Ian Borg, Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi mill-UE, qal li permezz ta’ dawn l-avvenimenti, dak li jhedded lil dawn il-bliet u l-ostakli preżenti, jiġu mitkellma u diskussi, waqt li jingħarfu l-opportunitajiet ġodda, l-aktar permezz tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea. “L-Unjoni Ewropea hi qawwa kbira għall-paċi u għall-prosperità ekonomika, li għandha twassal lil dawn l-erba’ bliet jittrasformaw ruħhom permezz ta’ dan il-Proġett tant validu,” qal Dr Borg.

Kelliema oħra fiċ-ċerimonja ta’ tnedija kienu ċ-Ċermen tal-Konferenza Giovanni Navarro; is-Sindku tal-Isla Justin J. Camilleri; u Joe Scerri, Direttur tal-Konferenza ġewwa l-Isla fil-Proġett ‘Il-Qawmien Mill-Ġdid ta’ Bliet Antiki’.

Il-konferenza se tikkonsisti f’numru ta’ sessjonijiet plenarji b’kelliema ta’ livell mill-erba’ pajjiżi, diskussjoni mill-panel u tliet workshops dwar: Il-bombardamenti u l-konsegwenzi fuq l-arkitettura; Is-salvataġġ u l-preservazzjoni ta’ teżori artistiċi u relikwji bħala salvazzjoni tal-identità ta’ komunità; u Iċ-ċaqlieq furzat lil hinn mill-għeruq, ta’ popolazzjonijiet matul is-snin. Id-delegati se jkollhom ukoll l-opportunità jagħmlu żjara f’postijiet storiċi u ta’ interess ġewwa l-Isla, kif ukoll igawdu l-festival internazzjonali 'Senglea Marittima'.

Aktar informazzjoni tinkiseb fuq numri 2166 2424 / 2701 3004 jew bi żjara fuq is-sit www.revivaloldtownscities.eu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow