TITNIEDA T-TIELET EDIZZJONI TAL-IMDINA GRAN PRIX 2013
25% tal-parteċipanti fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Imdina Gran Prix huma barranin
Nhar il-Ħadd 13 t’Ottubru il-Belt pittoreska tal-Imdina se tospita t-tielet edizzjoni tal-Imdina Gran Prix 2013 organizzata mill-Valletta Gran Prix Foundation.
F’konferenza tal-aħbarijijet fl-Imdina, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella semma’ kif għall-edizzjoni ta’ din is-sena, 25% tal-parteċipanti mistennija jkunu barranin, b’mod partikolari Ingliżi u Taljani. Qal li l-gvern jemmen li attivitajiet bħal dawn huma importanti hekk kif jagħtu promozzjoni tajba lil Malta f’pajjiżi barranin, u kien għalhekk li qed tingħata għajnuna finanzjarja sostanzjali permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu flimkien mal-Kunsill Malti għall-Isport.
Karmenu Vella ddeskriva din l-attività bħala opportunità unika għall-Belt tal-Imdina kif ukoll għal pajjiżna fejn jidħol reklamar hekk kif l-attività mistennija tingħata prominenza minn ġurnalisti sportivi barranin li se jkunu f’Malta biex jirrappurtaw l-avveniment.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, l-Onor. Stefan Buontempo qal li l-Gvern qed jippjana skemi innovattivi biex it-turiżmu sportiv f’pajjiżna jikber. Qal li l-għan tagħna hu li t-turiżmu sportiv ikun ta’ 10% tat-total ta’ turisti li jżuru Malta. Dan ikun ifisser żieda ta’ ’l fuq minn 3% fuq ir-rata preżenti. Jekk pajjiżna jilħaq il-mira ta’ 10% ta’ turiżmu sportiv, dan ikun ifisser ’l fuq minn miljun u mitejn elf lejl.
Dr Buontempo qal ukoll li pajjiżna għandu potenzjal kbir f’dan il-qasam speċjalment meta wieħed jikkunsidra n-numru kbir ta’ organizzazzjonijiet sportivi li kollha jagħmlu dan ix-xogħol b’dedikazzjoni kbira lejn l-isport.
Intant fl-edizzjoni ta’ din is-sena mistennija jippartecipaw mas-70 vettura klassika inkluż uħud ta’ żmien il-gwerra fosthom De la Haye u Sunbeam, diversi vetturi tal-għamla Ferrari kif ukoll vettura tal-għamla Bugatti.
Il-pubbliku se jkollu wkoll iċ-ċans li jara tlielaq ta’ muturi klassiċi kif ukoll supercars.
Għal din l-attività mistennija jaslu f’Malta bosta ċelebritajiet fosthom Edd China ta’ Wheeler Dealers li huwa popolari fuq l-istazzjon Discovery Channel, l-ex sewwieq tal-Formula 1 Rupert Keagan, Simon Hope minn H&H Auctioneers u l-President tal-ACI Sport Italia Antonio Marasco.
Il-programm t’attivitajiet jiftaħ fis-7 t’Ottubru bil-wasla tal-parteċipanti barranin filwaqt li l-Ġimgħa 11 t’Ottubru mistennija tittella’ l-Imdina Glass Concours d’Elegance fil-pjazza tal-Katidral fl-Imdina. L-għada s-Sibt 12 t’Ottubru mistennija jsiru l-provi tat-tlielaq, bil-qofol tal-attività jintlaħaq l-għada l-Ħadd 13 t’Ottubru, b’erba’ tlielaq differenti u li huma skedati tnejn filgħodu u tnejn waranofsinhar. Il-vetturi se jkunu qed itellqu fuq ċirkwit b’tul ta’ 2.2 km li jdur taħt is-swar tal-Imdina.
Konxji mill-fatt li attività bħal din tiġbed attendenza sostanzjali speċjalment ta’ dawk li għandhom għal qalbhom vetturi antiki, l-organizzaturi qalu li qed jagħtu importanza massima lejn is-sigurtà ta’ dawk li se jkunu qed jattendu fost l-oħrajn permezz ta’ stands apposta li se jkunu qed jinbnew.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031