“Malta-All Inclusive” – FILM DANIŻ LI SE JSERVI TA’ OPPORTINITÀ TAJBA BIEX JESPONI LIL MALTA F’GĦADD TA’ PAJJIŻI BARRANIN
Crew mid-Danimarka bħalissa jinsab f’Malta fejn qed jiġbed sigħat sħaħ ta’ xeni għal film bl-isem ta’ ‘Malta-All Inclusive’ u li mistenni jibda jintwera fid-Danimarka u fl-iSkandinavja f’temp ta’ tnax-il xahar ieħor. Filwaqt li inizjalment il-produtturi Daniżi kellhom il-ħsieb li jmorru Mallorka fi Spanja, dawn eventwalment għażlu li jiġu f’pajjiżna bi tliet kwarti tal-film mistenni jiffoka fuq il-gżejjer Maltin.
Kmieni wara nofsinhar, il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella akkumpanjat miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Josef Formosa Gauci ltaqa’ mal-producer Daniża tal-film Mie Andreasen u mal-maniġer tal-produzzjoni, Pierre Ellul f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, liema post qed jintuża b’mod regolari għall-ġbid tax-xeni.
F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Ministru Karmenu Vella iddeskriva dan il-film bħala opportunità tajba għal Malta. Qal li l-industrija tal-films għandha potenzjal mhux biss biex tgħin lill-qasam turistiku iżda wkoll lill-ekonomija inġenerali.
Il-Ministru għat-Turiżmu semma’ kif dan il-film se jagħti opportunità lil pajjiżna li juri x’kapaċi joffri lit-turist hekk kif se jkun qed jintwera f’għadd ta’ pajjiżi barranin u għaldaqstant se jkun qed iservi ta’ promozzjoni qawwija għal Malta.
Iċ-Chief of Staff ,tal-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Silvio Scerri bħala l-Ministeru inkarigat mill-Malta Film Commission tkellem dwar is-sinerġija li qed tinħoloq bejn ministeri differenti biex finalment din l-industrija tingħata l-imbuttatura li għandha bżonn. Semma’ kif il-Ministeru għaddej b’ħidma biex titnaqqas il-burokrazija f’dan il-qasam, fost l-oħrajn fejn għandhom x’jaqsmu proċessar ta’ rifużjonijiet. Is-sur Scerri qal li dan qed iħalli suċċess u Malta qed jirnexxilha tirbaħ produzzjonijiet fuq pajjiżi oħra bħall-Marokk u pajjiżi oħra simili għal pajjiżna.
Il-film ‘Malta-All Inclusive’ qed jibbenefika mill-inċentivi li qed joffri l-gvern għall-produzzjoni tal-films. Għajnuna oħra qed tingħata wkoll mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, il-Malta Film Commission u l-Air Malta.
Il-film b’kitba ta’ Mette Heeno u b’direzzjoni tal-attriċi Hella Joof jiffoka madwar omm u ż-żewġ uliedha li jiġu f’Malta biex jiċċelebraw għeluq is-sittin sena tagħha. Il-crew wara dan il-film jikkonsisti minn 11-il persuna Daniża flimkien ma’ 50 persuna oħra Maltija.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031