STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
Il-kumpanija Arriva għadha kif informat lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura li għandha bżonn iżjed żmien, mit-48 siegħa li ngħatat, biex tagħti r-reazzjoni tagħha għar-rapport imħejji mill-kummissjoni ta’ esperti tekniċi dwar il-każijiet tan-nirien fuq il-vetturi tagħha.
Peress li ġie infurmat li l-ġimgħa d-dieħla għandu jkun Malta uffiċjal għoli tal-kumpanija Arriva, il-Ministru wieġeb li qed jistenna din ir-risposta mill-aktar fis possibbli fil-jiem li ġejjin.
Fuq talba tal-kumpanija, il-Ministru għadda kopja ta’ rapport ieħor li ħejjiet Transport Malta lill-Arriva, rapport dwar il-każijiet ta’ nirien li huwa indipendenti minn dak li ħejjew l-esperti tekniċi.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura tenna li l-bendy buses se jibqgħu sospiżi mit-toroq Maltin u t-tibdil li kien qed jitħejja fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku se jibqa’ għaddej kif kien ippjanat.
Sadanittant, saru laqgħat bejn il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, iċ-Ċermen ta’ Transport Malta u anke l-Ministru għall-Edukazzjoni biex ikun assigurat li jekk kemm-il darba l-kwistjoni tkun għadha ma ġietx lura għan-normal meta jibdew l-iskejjel, is-servizz li jingħata lill-iskejjel ikun ta’ prijorità.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031