SE NSAĦĦU S-SERVIZZI GĦALL-ANZJANI BIEX JIBQGĦU JGĦIXU AKTAR FIL-KOMUNITÀ
Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u l-Anzjanità Attiva Dr. Franco Mercieca sostna li dan il-Gvern se jkun qed jaħdem fuq pjan komprensiv biex isaħħaħ id-diversi servizzi offruti lill-anzjani f’pajjiżna bil-għan li jibqgħu jgħixu aktar fil-komunità.
Meta kien qiegħed jindirizza seminar organizzat mill-General Workers’ Union intitolat “L-Anzjani fil-Komunità: Prijoritajiet Ġodda”, Dr Mercieca elenka diversi prijoritajiet, fosthom il-ħtieġa li jiġu mtejba s-servizzi offruti lill-anzjani biex ikollhom aktar sigurtà f’darhom b’sistemi li jirriflettu ż-żminijiet tal-lum.
L-Onor. Segretarju Parlamentari Dr. Franco Mercieca qal li dan it-titjib fis-servizzi għall-anzjani jagħmel parti mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva li mistennija titnieda fix-xhur li ġejjin.
Dr. Mercieca spejga li din l-istrateġija se tkun imfassla fuq tliet prinċipji, jiġifieri l-parteċipazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, is-sehem attiv tal-anzjani fis-soċjetà u għajxien indipendenti. Rigward il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-suq tax-xogħol, huwa saħaq fuq l-importanza li nżiedu n-numru ta’ anzjani li jibqgħu jaħdmu waqt li jingħataw l-opportunità permezz ta’ taħriġ u tagħlim biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol la darba jilħqu l-età pensjonabbli. L-Onor. Segretarju Parlamentari saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li l-anzjani jibqgħu jipparteċipaw fis-soċjetà f’diversi oqsma fosthom dak tal-volontarjat u fl-istess waqt jgħixu b’mod indipendenti kemm jista’ jkun.
“Dawn huma tliet prinċipji li fuqhom se mmexxu l-istrateġija tagħna għal anzjanità attiva u jien sa nara li din mhux biss titnieda, iżda li tiġi implimentata fis-snin li ġejjin”, saħaq l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Dr. Mercieca żied jgħid li l-istrateġija tiffoka ħafna fuq il-bżonn li l-anzjani jibqgħu jħossuhom utli għall-bqija tal-komunità u għalhekk irridu nagħmlu minn kollox biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fl-ambjent tagħhom.
“Għalhekk li rridu nsaħħu s-servizzi eżistenti li hemm għall-anzjani fil-komunità. Ħafna mis-servizzi ilhom is-snin ma jiġu riveduti. Irridu ntejbuhom kemm jista’ jkun u fl-istess waqt innaqqsu kemm jista’ jkun il-lista ta’ stennija u d-dewmien li jeżisti biex jingħataw dawn is-servizzi li jgħinu lill-anzjani tagħna jibqgħu jgħixu fil-komunità fit-tul kemm jista’ jkun,” qal Dr. Mercieca.
L-Onor. Segretarju Parlamentari semma wkoll li hija ta’ prijorità wkoll għal dan il-Gvern li ntejbu l-istandards f’residenza għall-anzjani. Semma wkoll il-ħidma li qed issir biet titwaqqaf leġislazzjoni kontra l-abbuż fiżiku u psikoloġiku fuq l-anzjani.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031