Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-GVERN TA' MALTA - Iffirmat Memorandum of Understanding bejn Malta u ċ-Ċina għal investment strateġiku fil-qasam tal-Enerġija

pr1897
Date Icon 11/09/2013

Dalgħodu ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu ċ-Ċina qed turi l-intenzjoni tagħha li tinvesti fil-qasam tal-enerġija f'pajjiżna, fosthom permezz ta' investment dirett fl-Enemalta, bil-possibilità wkoll li titwaqqaf kumpanija li tgħaqqad il-panelli solari Ċinizi għall-Ewropa f'Malta u li Malta tintuża bħala ċentru minn fejn iċ-Ċina tagħmel servicing ta' power stations li għandha fil-Mediterran.

Permezz ta' dan il-ftehim, Malta se jkollha kumpanija kbira miċ-Ċina, li hija t-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja, bħala msieħba strateġika tagħha.

Il-Memorandum of Understanding ġie ffirmat mill-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi u s-Sur Lu Qizhou, Kap Eżekuttiv ta’ China Power Investment Corporation, wara laqgħa li l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, kellu mal-Prim Ministru Ċiniż, Li Kenqiang, f'Dalian iċ-Ċina.

Il-Memorandum of Understanding huwa frott ta' xhur ta' negozjati u fiha l-Gvern Ċiniz qed juri l-intenzjoni li jinvesti fl-Enemalta.

Il-valur tal-investiment, li mistenni jkun sostanzjali, se jkun determinat wara negozjati li ġie deċiż li jiġu konklużi fis-6 xhur li ġejjin.

Permezz ta’ dan il-Memorandum of Understanding, il-kumpanija China Power Investment Corporation qablet li se tkun qed tinvesti fil-Korporazzjoni Enemalta permezz tas-sussidjarja tagħha Shanghai Power Electric. Iċ-Ċinizi se jkunu azzjonisti ta' minoranza bil-kontroll tal-kumpanija jibqa f'idejn il-Gvern Malti.

Dan għandu jwassal biex ikun hemm cash injection fl-Enemalta li se tkun tfisser tnaqqis sostanzjali fid-dejn tal-Korporazzjoni. B'hekk se jkun qed jitneħħa parti mill-piż kbir li t-taxpayers ilhom iġorru 25 sena, filwaqt li se jkunu qed jiġu assigurati l-impjiegi tal-ħaddiema, li kienu tpoġġew fil-periklu minn dan id-dejn.

Il-Memorandum of Understanding għandu jwassal ukoll għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda kemm fl-enerġija konvenzjonali kif ukoll alternattiva, kif ukoll għal investment ġdid fl-infrastruttura tal-Enemalta. Il-ftehim m'għandux x'jaqsam mal-pjan għat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li għadu on track.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Malta u ċ-Ċina għandhom sitt xhur li matulhom jikkonkludu biex bejniethom iwaqqfu kumpanija, bis-sehem tal-Enemalta, biex tieħu ħsieb is-servicing ta’ power stations oħra li ċ-Ċina għandha fil-Mediterran.

Se tkun esplorata wkoll il-possibilità li jiġu mgħaqqda l-pannelli fotovoltajiċi f'pajjiżna, kif ukoll li jsiru stallazzjonijiet bi sħab kemm f'Malta kif ukoll f'pajjiżi oħra.

Dan se jkun qed jgħin anke biex pajjiżna jilħaq il-miri tal-elfejn u għoxrin għat-tnaqqis fl-emmissjonijiet.

China Power Investment Corporation hija fost l-akbar kumpaniji tad-dinja, li kienet qed tfittex imsieħeb strateġiku fl-Ewropa u l-Mediterran fl-istess żmien li l-Gvern Malti għaddej b'bidliet importanti biex pajjiżna jkollu Korporazzjoni Enemalta li tkun soda, ma tibqax ta' piż fuq it-taxpayers, tassigura l-impjiegi tal-ħaddiema tagħha filwaqt li toħloq postijiet tax-xogħol ġodda.

Il-Gvern Malti beħsiebu li, la darba n-negozjati jiġu konklużi, imur quddiem il-Parlament għal ratifika sabiex juri serjetà u trasparenza fit-tmexxija.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow