FIL-CAR FREE DAY IL-GVERN HUWA L-KATALISTA IŻDA L-PROTAGONISTI VERI HUMA L-PARTEĊIPANTI – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Pajjiżna jingħaqad mal-pajjiżi l-oħra Ewropej fil-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà u l-Ħadd 22 ta’ Settembru se titella’ l-Car Free Day.
Il-Car Free Day hija attività simbolika li għandha sservi biex ikun hawn aktar kuxjenza għall-użu aktar sensibbli tal-karozzi biex innaqqsu l-impatt fuq l-ambjent tagħna b’mod partikulari l-kwalità tal-arja.
Din is-sena l-Car Free Day hija waħda minn numru ta’ attivitajiet li l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima flimkien ma’ Ministeri u entitajiet oħra qed jorganizza tul ix-xahar ta’ Settembru favur kwalità aħjar tal-arja.
Dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-ġnien li hemm fil-Foss tal-Imdina, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li għalkemm il-Gvern flimkien ma’ Transport Malta u l-MEPA li ffinanzjat dan l-avveniment ser ikunu l-katalisti tal-Car Free Day, il-veru protagonisti ser ikunu l-parteċipanti nfushom.
Il-Ministru Brincat qal li rridu nqajmu kuxjenza dwar dan is-suġġett ħalli ndaħħlu mentalità u kultura ġdida fost iċ-ċittadini kollha. Dan speċjalment fost dawk li ma jitilfux okkażjoni biex jużaw it-trasport privat tagħhom.
Biex dan kollu jseħħ u jagħti r-riżultati mixtieqa hemm bżonn l-impenn ta’ kullħadd għall-bidla f’din id-direzzjoni. Qal li huwa konvint li bir-rieda tajba u l-perseveranza ta’ kullħadd nistgħu naslu.
Il-Ministru Brincat spjega li bi preparazzjoni għall-Car Free Day il-Kunsilli Lokali u l-NGOs kienu mistiedna jissottomettu l-proposti tagħhom għall-attivitajiet biex jitellgħu fil-jum tat-22 ta’ Settembru. B’kollox ġew sottomessi 20 proposta minn Kunsilli Lokali u għaqdiet volontarji.
Il-Kunsilli Lokali u l-NGOs ġew mitluba joħorġu b’attivitajiet li permezz tagħhom jippromwovu l-kunċett ta’ kwalità tal-arja aktar nadifa.
Fost l-inizjattivi li ser inkunu qegħdin naraw il-Ħadd 22 ta’ Settembru organizzati mill-Kunsilli Lokali u l-NGOs hemm kompetizzjoni tal-fotografija dwar l-esperjenzi differenti tan-nies fl-użu tat-trasport pubbliku u mezzi oħra tat-trasport li ma jniġġsux.
Se naraw fun run, mixjiet u dawriet bir-roti. F’lokalità partikulari se tintuża d-dgħajsa tal-pass u f’xi lokalitajiet se jitellgħu wkoll diskussjonijiet għar-residenti dwar il-kwalità tal-arja u l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem. Dawn huma biss ftit mill-ħafna attivatijiet li se jkunu għaddejjin f’daqqa f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex.
B’kollox huma 10 l-Kunsilli Lokali li se jieħdu sehem fil-Car Free Day wara li kkwalifikaw għall-għajnuna finanzjarja ta’ €2,000 kull wieħed. Ma’ dawn se jkun hemm ukoll 5 NGOs li dakinhar se jtellgħu wkoll attivitajiet li wkoll ingħataw din l-għajnuna finanzjarja. Flus li lkoll ġejjin mill-MEPA.
Il-Kunsilli Lokali li se jkunu qegħdin jorganizzaw l-attivitajiet fit-toroq tal-lokalitajiet tagħhom huma dak ta’ Santa Venera, Dingli, Kalkara, Mellieħa, Għajnsielem, Lija, Floriana, Fgura, Attard u Birgu.
Ħames NGOs se jkunu qegħdin itellgħu l-attivitajiet tagħhom fil-jum tal-Car Free Day. Dawn huma Bicycling Advocacy Group, Friends of the Earth, l-Oratorju ta’ Don Bosco, Aniċi Band Club u l-Inspire.
Fost it-toroq li partijiet minnhom ser jingħalqu għat-traffiku u fihom ser jitellgħu attivitajiet minn numru ta’ Kunsilli Lokali u NGOs hemm it-Triq il-Kbira San Ġużepp f’Santa Venera, parti minn Triq Hompesch fil-Fgura, Triq il-Paroċċa fil-Mellieħa, Triq iċ-Ċentinarju tal-Paroċċa l-Birgu, Triq Ġiovanni Barbara, Lija u numru ieħor ta’ toroq f’dawn il-lokalitajiet u lokalitajiet oħra.
Dakinhar tal-Car Free Day Transport Malta se tkun qed torganizza wkoll Bicycle Rodeo. Dawra bir-roti li titlaq minn Wied il-Għajn u ser issir tard wara nofsinhar. Hawnhekk it-tfal se jitqassmulhom xi rigali inkluż ukoll materjal informattiv.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031