L-ONOR. EDWARD ZAMMIT LEWIS U L-ONOR. STEFAN BUONTEMPO JIFTĦU Ċ-ĊELEBRAZZJONIJIET TAT-TMIEN ANNIVERSARJU TA’ 2X SOFTWARE – KUMPANIJA TAL-ICT LI QED TKABBAR L-OPERAT TAGĦHA
L-Onor. Edward Zammit Lewis u l-Onor. Stefan Beuntempo dalgħodu fetħu ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmien anniversarju ta’ 2X Software, kumpanija tal-ICT ibbażata f’Malta u li se tkun qed tkabbar l-operat tagħha. 2X Sofware hija kumpanija li tispeċjalizza fil-cloud computing, teknoloġija li qiegħda dejjem tiżdied fl-użu tagħha u qed tgħin sabiex kumpaniji madwar id-dinja jsiru iktar kompetittivi u effiċjenti fejn titnaqqas il-ħela tal-enerġija u tar-risorsi tal-ICT.
L-Onor. Zammit Lewis saħaq li l-gvern qed jimpenja ruħu biex joħloq l-aħjar kuntest sabiex kumpaniji tal-ICT Maltin jinnovaw u jikbru, permezz ta’ kumpaniji bħal 2X software Malta hija kapaċi tkattar u żżomm professjonisti bi kwalifiki għolja. “Għalhekk huwa importanti għalina li nidentifikaw modi biex nattiraw aktar studenti għall-programmi fuq livell ogħla edukattivi fl-ICT. Hemm ħtieġa qawwija għal talenti speċjalizzati fl-ICT li bħala gvern bdejna naħdmu biex insaħħu” kompla l-Onor Zammit Lewis.
Is-Segretarju Parlamentari Zammit Lewis spjega li l-gvern qed jappoġġja kumpaniji bħal 2X software li jagħtu isem tajjeb lil pajjiżna, billi jgħin fil-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u jipprovdu impjiegi ta' kwalità u hekk Malta verament tkun d-destinazzjoni ta' għażla għall-kumpaniji tal-ICT. Dan is-sajf il-Gvern permezz tal-MITA tejjeb u saħħaħ l-iStudent Programme Placement fejn ġie introdott il-kunċett ta' mentoring tal-istudenti. Hekk kif l-ICT qiegħed jevolvi malajr ħafna, hekk ukoll huma l-ħiliet meħtieġa f'dan is-settur, il-MITA qed taħdem dwar ir-ristrutturar u r-riorjentazzjoni tal-eSkills Alliance biex jilħaq aħjar il-bżonnijiet tal-industrija tal-lum.
L-Onor. Buontempo saħaq kif ir-riċerka hija l-mutur ewlieni li twassal għall-innovazzjoni, li permezz tagħha jistgħu jiġu skoperti u sfruttati teknoloġiji ġodda. Is-settur privat jista’ jibbenefika minn kollaborazjoni ma’ entitajiet edukattivi u għalhekk il-Gvern qed jaħdem biex f’pajjiżna jkollna aktar gradwati fil-livell ta’ masters u dottorat.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo kompla jgħid li l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna jiddependi minn kemm is-settur privat jadotta forom ġodda ta’ teknoloġiji u jinvesti f’metodi li jinkoraġixxu l-innovazzjoni fin-negozju tagħhom. Iżda rridu nħarsu wkoll lejn industriji oħra bħall-industrija marittima, is-settur turistiku u l-qasam tas-saħħa fost l-oħrajn, li wkoll jistgħu jixprunaw ‘il quddiem l-innovazzjoni.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031
pr1879a.pdf