Left arrow Go Back

IL-FONDAZZJONI VALLETTA 2018 TĦABBAR IT-TWAQQIF TA’ ‘VALLETTA FORUM’

pr1870
Date Icon 07/09/2013

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħabbret it-twaqqif ta’ ‘Valletta Forum’, board konsultattiv li ser ikollu l-għan li jġib flimkien entitajiet differenti mill-Belt, minn oqsma differenti, biex jagħtu pariri lill-Fondazzjoni Valletta 2018 dwar suġġetti li jirrelataw direttament mal-Belt u mal-Beltin.

Waqt riċeviment ta’ ringrazzjament għall-ghaqdiet u l-entitajiet tal-Belt, fil-Barrakka ta’ Fuq nhar il-Ġimgħa filgħaxija, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef irringrazzja lil dawk kollha li jaħdmu u jirsistu b’risq il-ħajja soċjali, kulturali u reliġjuża tal-Belt Valletta. Huwa qal li bl-istess mod li l-Belt hija mżejjna b’palazzi, u opri artistiċi imprezzabbli, il-Belt hija mgħonija b’għaqdiet, entitajiet u individwi attivi li jagħtu sehem imprezzabbli lejn il-ħajja tal-kapitali.

Jason Micallef qal li l-Kapitali Ewropea tal-Kultura ma tistax tkun suċċess jekk ma jkunx hemm il-kontribut ta’ bosta nies speċjalment dawk li għandhom għal qalbhom il-Belt Valletta. Huwa qal li is-sena 2018, hija okkażjoni biex niċċelebraw il-Belt kapitali bħal qatt qabel. L-għaqdiet u entitajiet Beltin għandhom ikunu fiċ-ċentru ta’ dan il-proċess.

Is-Segretarju Parlamentari responsabli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali Josè Herrera radd ħajr lill-komunita’ kummerċjali u l-għaqdiet tal-Belt Valletta għall-impenn tagħhom biex iżommu ħajja lill-Belt Kapitali. Qal li l-okkażjoni tal-lejla hija unika u sabiħa għaliex fiha qed tiġbor lil dawk kollha li mill-ħin liberu tagħhom jaħdmu sabiex jagħtu l-ħajja lill-belt kapitali ta’ Malta. Hawn huwa sellem lill-għaqdiet reliġjużi, sportivi, filantropiċi u soċjali li lkoll jaħdmu fil-Belt Valletta. Tenna li r-rabta tiegħu mal-Belt Valletta tmur lura s-snin u għalhekk huwa ta’ privileġġ kbir għalih li bħala Segretarju Parlamentari jaħdem biex fis-sena 2018 l-Belt Kapitali ta’ Malta tagħti ġieh lill-Ewropa bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Is-Segretarju Parlamentari Josè Herrera radd ħajr lill-Fondazzjoni Valletta 2018 għax-xogħol kbir li qed jagħmlu. B’mod partikolari huwa semma liċ-chairman tal-Fondazzjoni Jason Micallef u t-tim tiegħu u rringrazjahom tal-impenn li qed juru biex din il-ħolma ssir realtà.

Tenna, li l-attività tal-lejla hija turija ta’ kemm il-ministeru immexxi minnu jemmen fl-inklussività fejn il-komunità Beltija qed tingħata l-ispazju biex mhux biss isemma leħinha imma tipparteċipa permezz tal-ewwel forum konsultattiv tal-Belt Valletta taħt il-kappa tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Fakkar li Valletta 2018 ser tfisser bidla fil-mentalita’ u għalhekk appella lil kulħadd biex ikun parti minn din il-missjoni. Tenna li Valletta 2018 hija vetrina ta’ dak li tista’ toffri Malta u għalhekk sa mill-bidu nett tal-kariga tiegħu enfasizza li s-suċċess ta’ tali titlu jmur lil hinn mill-2018. “Ejja nahdmu sabiex flimkien nieħdu din l-okkazzjoni ħalli nerġgħu nirrininġeraw il-Belt Valletta biex tkun l-ambaxxatur ta’ pajjiżna sa l-2018 u lil hinn minnu”, tenna s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera.

Valletta Forum

Il-Valletta Forum għandu l-għan li jġib flimkien, u madwar mejda ta’ diskuzzjoni entitajiet u għaqdiet mill-Belt Valletta, biex jagħtu pariri u jiġġeneraw politika dwar suġġetti li jeffetwaw il- Belt u l-Beltin direttament.

Il-kompożizzjoni tal-Valletta Forum tkun magħmula mill-President jew l-ekwivalenti tal-entitajiet li ser jiffurmawh. Il-mekkaniżmu ta’ kif ser jaħdem tkun imħabbra fl-ewwel seduta tiegħu li hi mistennija ssir sal-aħħar tas-sena.

Valletta Forum huwa board konsultattiv li għandu l-għan li jiġġenera rakkomandazzjonijiet lill- Fondazzjoni Valletta 2018, fuq materji ta’ importanza soċjali u pubblika, b’referenza partikolari għar-realtajiet tal-Belt u r-residenti tagħha. F’dan id-dawl, il-Valletta Forum ser ikollu l-inkarigu li jsostni djalogu b’saħħtu u kontinwu bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018, ir-residenti tal-Belt, u dawk li huma f’kuntatt mal-entitajiet partikolari li jiffurmawh. Il-Forum għandu jirsisti b’mod kostanti u konsistenti li jkun katalist effettiv bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u r-residenti tal- Belt. Il-Valletta Forum għandu r-rwol li jsostni l-ħidma tal-Fondazzjoni Valletta 2018 permezz ta’ kuntatt dirett mal-elementi tal-Belt, f’dak li huwa preparazzjoni u implimentazzjoni.

Għalhekk il-Valletta Forum irid jiġġenera dibattitu bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentati fi ħdanu, il-membri li jirrappreżentaw, u jiġġeneraw pariri u rakkomandazzjonijiet validi li jiġu riflessi fil-programm tal-ħidma tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow