MALTA U L-UKRAJNA JIFFIRMAW FTEHIM DWAR IT-TNEĦĦIJA TAT-TAXXA DOPPJA
Malta u l-Ukrajna ffirmaw ftehim dwar it-tneħħija tat-taxxa doppja. Dan il-ftehim kien iffirmat waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel fl-Ukrajna fejn iltaqa’ mal-President Victor Yanukovych u l-Prim Ministru Mykola Azarov.
F'laqgħa mal-President Victor Yanukovych, il-Prim Ministru ddeskriva dan il-ftehim bħala pass ‘il quddiem fir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Tenna li Malta bħala membru fl-Unjoni Ewropea trid li jkollha l-aqwa relazzjoni possibbli mal-pajjiżi li mhumiex membri fl-Unjoni u pajjiżi li għandhom prospett li jissieħbu fl-Unjoni Ewropea.
Dr Muscat innota li Malta hija l-aħħar pajjiż fl-UE li ffirmat ftehim ta’ tneħħija mit-taxxa doppja. Il-President Yanukovych qal li l-Ukrajna tqies lil Malta bħala pajjiż qrib tagħha u b’hekk li qed isir sforz biex dawn iż-żewġ pajjiżi jkunu eqreb u jkun hemm koperazzjoni ikbar f’diversi oqsma.
Dr Muscat qal li Malta se tagħti l-appoġġ tagħha għall-ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea li l-Ukrajna mistennija tiffirma f'Novembru li ġej. Dwar dan il-ftehim għad hemm kwistjonijiet pendenti dwar ir-riforma ġudizzjarja tal-pajjiż, li jaf ixxekklu dan il-ftehim. Dr Muscat qal li jittama li dawn jissolvew qabel hu mistenni li jkun iffirmat il-ftehim.
Il-Prim Ministru Ukren Mykola Azarov qal li jittama li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tkompli u li għandha tissaħħaħ bil-ftehim dwar il-ħelsien tal-ħlas doppju tat-taxxa u nnota li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu aktar flimkien f'oqsma bhat-turiżmu.
Il-Prim Ministru kellu taħdidiet oħra mal-Kunsill tad-Difiża u s-Sigurtà Nazzjonali tal-Ukrajna.
Akkumpanjaw lill-Prim Ministru waqt din iż-żjara fl-Ukrajna, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262032
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...
PR262031