Left arrow Go Back

GVERN B’IDEAT ĊARI GĦALL-KORPORAZZJONI ENEMALTA

pr1833
Date Icon 03/09/2013

Il-ħidma tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija hija bbażata fuq pjan ħolistiku li l-pajjiż ilu nieqes minnu u li issa qiegħed on track. Minn Marzu li ġej jorħsu l-kontijiet għall-familji u, tnax-il xahar wara, jorħsu l-kontijiet għan-negozji. Waqt laqgħa mal-Assocjazzjoni Maltija tar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA), il-Prim Ministru Joseph Muscat semma l-ftehim strateġiku li ġie ffirmat mal-Libja u li jiffoka fuq il-prezzijiet tal-fuel. Qal li malli l-Libja tibda tissuplixxi l-prodotti taż-żejt, bħal petrol, diesel, jet fuel u gass taċ-ċilindri, Malta mhux se tibqa’ totalment esposta għaż-żidiet internazzjonali u għalhekk se jkun hemm iktar serħan il-moħħ.

Dr Muscat qal li dan il-ftehim huwa wkoll l-ewwel pass lejn it-tnaqqis fid-dejn ta’ 800 miljun ewro li akkumula fl-aħħar 25 sena fil-korporazzjoni Enemalta u li spiss wassal għal problemi fil-credit rating ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru qal li hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet ċari li m’għandhomx x’jaqsmu mal-ħaddiema iżda li jiffukaw fuq l-istrateġija tal-Korporazzjoni. Qal li, għall-ewwel darba wara ħafna snin, Malta għandha Gvern b’ideat ċari għall-Enemalta. Din il-korporazzjoni ma tistax tibqa’ mażra fuq l-ekonomija jew mannara fuq ras il-ħaddiema iżda għandha titpoġġa fuq sisien sodi fejn is-settur tal-enerġija tibda tipprovdi l-karrieri għaż-żgħażagħ tagħna.

Il-Prim Ministru qal li l-budget għas-sena d-dieħla mhux se jkun fih sorpriżi iżda se jinkludi l-ewwel parti tal-programm tal-Gvern favur it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol. Dwar is-settur tat-turiżmu qal li ż-żieda qawwija fil-movimenti tat-turisti kien riżultat ta’ sforz komuni bejn kulħadd mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Qal li l-priorità għandha tibqa l-profitibbilita għaliex l-importanti mhux kemm jiġu nies iżda x’iħallu f’pajjiżna. Dr Muscat semma wkoll l-Air Malta u qal li l-persuni li fl-aħħar snin kienu responsabbli mir-ristruttutar tal-linja nazzjonali tal-ajru, issa jridu juru r-riżultati tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Dr Muscat qal li l-ispinta li ħadet iż-żona ta’ Bugibba turi l-bżonn li jsiru aktar proġetti fil-lokalitajiet. Esprima iżda n-nuqqas ta’ sodisfazzjon għas-sitwazzjoni ta’ tindif f’zoni turistiċi u oħrajn. Qal li ħafna mill-kunsilli lokali m’għandhomx ir-riżorsi meħtiega u għalhekk hemm bżonn ta’ intervent mill-Gvern ċentrali. Qal li sal-eqqel tal-istaġun turistiku li jmiss, il-Gvern huwa determinat li jimplimenta sistema differenti ta’ ko-ordinament li ttejjeb l-indafa.

Minn naħa tiegħu l-President tal-MHRA Tony Zahra awgura lill-Gvern għal ftehim li ffirma mal-Libja dwar il-prodotti taż-żejt. Qal li huwa kuntent li s-settur tal-enerġija tpoġġa fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet għaliex huwa l-qasam li jaffetwa l-kompetittivita ta’ pajjiżna. Semma kif l-MHRA ilha snin tisħaq fuq il-bżonn li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jorħsu għal poplu kollu u fisser it-tnaqqis ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija li se jimplimenta l-Gvern bħala aħbar tajba ħafna.

Tony Zahra qal li huwa sodisfatt biż-żieda qawwija, u rekord ġdid, fil-wasliet tat-turisti f’Malta meta mqabbel mas-sena li għaddiet. Qal li s-settur miexi fid-direzzjoni t-tajba u hemm bżonn li l-prodott jibqa jitjieb biex l-industrija tkompli tagħti riżultati pożittivi madwar il-pajjiż kollu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow