Left arrow Go Back

L-AKBAR MOVIMENT TA’ TURISTI FL-ISTORJA TA’ PAJJIŻNA

pr1826
Date Icon 03/09/2013

L-ekonomija ta’ pajjiżna qed turi sinjali ta’ irpiljar u l-Gvern huwa kommess li jwassal għal tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd. Waqt laqgħa mal-FORUM Unions Maltin, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser kif, sa mill-bidu tas-sajf, sar xogħol qawwi fuq il-qasam tat-turiżmu u l-ewwel statistika tindika l-akbar moviment ta’ turisti fl-istorja ta’ pajjiżna. Dan ir-riżultat pożittiv inkiseb bil-ħidma konġunta tat-trade unions u l-employers. Sinjali pożittivi oħra huma x-xejra ‘l isfel fl-għoli tal-ħajja u l-indikazzjoni li pajjiżna se jirnexxilu jinżel taħt it-tlieta fil-mija bħala livell ta’ deficit.

Dr Muscat qal li t-tkabbir ekonomiku huwa kruċjali biex il-Gvern jagħti sostenn finanzjarju fejn hemm bżonn. Fost oħrajn fil-ġlieda kontra x-xogħol prekarju fejn il-Gvern diġà implimenta standards ġodda li jfissru aktar flus iżda wkoll aktar għodda biex tiġi miġġielda din il-problema. Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se joqgħod b’seba għajnejn għal ftit employers li mhux qed jimxu b’responsabbiltà u wissa li m’hu se jkun aċċettat ebda tip ta’ logħob li jaffettwa l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Il-Prim Ministru qal li l-budget għas-sena d-dieħla se jippreżenta l-ewwel parti tal-programm tal-Gvern għall-qasam tax-xogħol. L-għan huwa li aktar nies, speċjalment in-nisa, jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Semma wkoll il-qasam tas-saħħa u l-bżonn li tissaħħaħ is-sistema tal-mediċini filwaqt li tenna l-impenn  politiku li s-servizz jibqa’ jingħata b’xejn għal kulħadd. Qal li se tkun ta’ priorità li ma jiżdiedux il-piżijiet li ġejjin mill-Gvern stess.

Kien hawnhekk li semma l-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat ilbieraħ stess li jelenka l-prinċipju li meta l-Libja ttella’ l-produzzjoni taż-żejt għal-livell normali tagħha tibda tissuplixxi lil Malta bi prodotti taż-żejt, fosthom petrol, diesel u gass tac-ċilindri, b’rati tajbin ħafna u bi credit terms ferm vantaġġjużi. B’dan il-ftehim, il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jtaffi mid-daqqiet fuq il-familji u n-negozji kull meta l-prezzijiet internazzjonali jirreġistraw żieda. Il-Prim Ministru qal li din hija parti minn strateġija biex il-korporazzjoni Enemalta, minn mażra b’dejn ta’ 800 miljun ewro, titpoġġa fuq sisien sodi.

Minn naħa tiegħu l-President tal-FORUM Unions Malta Paul Pace feraħ lill-Gvern għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim u fissru bħala pass pożittiv ħafna għall-poplu Malti u Għawdxi. Paul Pace semma l-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra x-xogħol prekarju u l-ħolqien ta’ aktar xogħol ta’ kwalità. Tkellem ukoll dwar il-mod li bih jitmexxa s-settur pubbliku u qal li s-sistema hija waħda antika li ntirtet wara snin twal u li qed taffettwa l-ftehim kolletiv ta’ ħaddiema f’ċertu oqsma.

Il-Prim Ministru wieġeb li qed jieħu nota ta’ din l-osservazzjoni u qal li l-kwistjoni għandha tiġi eżaminata bħala parti mir-riforma kostituzzjonali biex ikun stabbilit ir-rwol modern tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow