Left arrow Go Back

REAZZJONI TAL-GVERN MALTI GĦALL-AĦĦAR ŻVILUPPI DWAR IS-SIRJA

pr1785
Date Icon 28/08/2013

Il-Gvern Malti, jinsab ixxukkjat u maħsud bl-aħħar ġrajjiet li seħħew fis-Sirja, fejn mijiet ta’ persuni ċivili, l-aktar nisa u tfal, inqatlu brutalment, meta kienu attakkatti b’gassijiet velenużi.

Permezz tal-aħbarijiet internazzjonali, il-poplu Malti u Għawdxi assista minn daru għal xeni makabri u impressjonanti ta’ tfal, żgħażagħ, u kbar, fosthom nisa, jissieltu għal ħajjithom bl-aħħar nifsijiet fgati bil-kimika velenuża, fost tbatija liema bħala.

Il-gwerra fis-Sirja diġà ġabet tbatijiet bla qies lil miljuni ta’ ċittadini Sirjani, u anke ħolqot diffikultajiet kbar lil pajjiżi tal-madwar, bil-kriżi umanitarja, u bil-mewġa ta’ rifuġjati li qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom. Minkejja dan kollu, l-agħar fażi ta’ dan il-kunflitt seħħet propju b’dan l-episodju.

Il-Gvern Malti jfakkar li l-użu ta’ armamenti kimiċi, bħal dawn il-gassijiet velenużi, ilu kkundannat madwar id-dinja kollha għal kważi mitt sena, u hemm qbil li dawn il-kimiċi m’għandhom qatt jintużaw f’kunflitt.  Il-Gvern jerġa’ jtenni bil-qawwa kollha l-kundanna tiegħu għall-użu ta’ dawn l-armamenti qerrieda.

Il-Gvern Malti qiegħed isegwi dak li għaddej bhalissa, u jinnnota li għalkemm sa issa ma hemm ebda prova mija fil-mija li dawn il-veleni ntużaw mir-reġim ta’ Assad, ix-xhieda ċirkostanzjali kollha tipponta f’dik id-direzzjoni. Il-Gvern jinnota wkoll ir-reazzjonijiet li ħerġin mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Uniti, u l-Lega tal-Pajjiżi Għarab, u jiddispjaċih jinnota li fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda ma jidhirx li hemm qbil dwar x’għandu jsir bħala reazzjoni għal dan l-episopju ta’ krudeltà u brutalità.

Għaldaqstant, il-Gvern Malti jappella lill-pajjiżi membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda biex isibu qbil bejniethom dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu b’reazzjoni għal dan l-inċident, u jkunu huma li flimkien iwasslu l-messaġġ li fid-dinja ċivilizzata tal-lum, atroċitajiet bħal dawn ma jistgħux jitwettqu bla ma jġibu konsegwenzi fuq min iwettaqhom.. Il-Gvern Malti jappella wkoll biex kull deċiżjoni li tittiehed, tkun frott ta’ diskussjoni matura, infurmata u waħda li tiżen l-effetti tal-miżuri li jittieħdu kemm dawk immedjati kif ukoll dawk fuq medda ta’ żmien.

Il-Gvern huwa konxju tal-effetti li kwalunkwe miżura jista’ jkollha fuq ir-reġjun, li diġà huwa mifni minn problemi li wħud minnhom ilhom ikarkru s-snin.  Il-Gvern Malti se jsegwi bir-reqqa dak li se jkun deċiż fil-ġranet li ġejjin, u bħala membru tal-komunità internazzjonali, kif ukoll membru tal-Unjoni Ewropea, minbarra li jagħti sehemu fid-diskussjonijiet li jsiru fil-fora internazzjonali, jagħti wkoll sehemu f’din il-ġlieda kontra l-użu ta’ armi kimiċi, skont l-obbligi internazzjonali ta’ pajjiżna u fil-ħarsien sħiħ tal-prinċipji kostituzzjonali ta’ pajjiżna.     

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow