Left arrow Go Back

‘L-EWROPA LI RRID NGĦIX FIHA’: DIBATTITU TAĊ-ĊITTADINI F’GĦAWDEX ORGANIZZAT MILL-MEUSAC

pr1773
Date Icon 26/08/2013

Tnejn mill-ħames membri li jirrappreżentaw lil Malta fil-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea (UE) huma sindki minn Għawdex - rappreżentanza ħajja, attiva u li tidher - f’Kumitat li jħaddan rappreżentanti mir-reġjuni tal-UE li jsemmgħu l-vuċi taċ-ċittadini fil-qalba tal-komunitajiet lokali. Is-Sur Joe Cordina, Sindku tax-Xagħra u Dott. Samuel Azzopardi, Sindku tar-Rabat - Kap u Membru rispettivament fid-delegazzjoni Maltija fil-Kumitat tar-Reġjuni - tkellmu dwar kif taħdem ir-rappreżentanza tagħhom f’oqsma bħall-konnettività bejn reġjuni differenti, it-tmexxija lokali, l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kultura, il-qagħda soċjali, u l-ekonomija u n-negozji żgħar, fost l-oħrajn. Huma kienu tnejn mill-kelliema ewlenin f’dibattitu taċ-ċittadini organizzat mill-MEUSAC, f’Marsalforn, Għawdex, bħala wieħed mill-attivitajiet tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013.

Maria Attard, Direttur ta’ Dar Ġuzeppa Debono - fondazzjoni li ilha tilħaq tfajliet ommijiet f’Għawdex - spjegat kif din il-fondazzjoni wieġbet għal bżonn soċjali għal dawn l-aħħar 28 sena. Hi spjegat kif il-fondi tal-UE għenu biex is-servizz jitjieb matul is-snin u biex twieled il-proġett ‘Ilwien’ li jikkonsisti fi studju ta’ riċerka, kampanja ta’ għarfien fl-iskejjel sekondarji Għawdxin u edukazzjoni immirata għal gruppi partikulari ta’ studenti. “Is-suċċess tal-ħidma tagħna kien li rnexxielna niżviluppawh bi skop preċiż billi nagħtu d-dinjità lill-persuni li naħdmu magħhom u ngħinuhom jagħrfu u jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom.”

Il-kelliema qalu li l-problemi soċjali jiġu indirizzati billi jinħoloq iktar xogħol u investiment ħalli ma tkomplix tikber il-problema attwali ta’ ħaddiema li jfittxu x-xogħol ’il barra minn Għawdex. Skont huma, l-investiment jindirizza kemm in-nuqqas ta’ xogħol u wkoll it-tipi ta’ impjiegi li l-ħaddiema jixtiequ u li huma kapaċi għalih. Għaldaqstant, l-aċċessibiltà tal-gżira Għawdxija hi kruċjali, għaliex l-investiment f’Għawdex igawdi minnu l-pajjiż kollu; investiment li ma jkunx estensjoni ta’ proġetti li jsiru f’Malta imma fi proġetti li jattiraw viżitaturi għal dak l-iskop.

F’dan id-djalogu l-parteċipanti qajmu diversi punti relatati ma’ dak li qalu l-kelliema, fosthom: il-bżonn ta’ iktar għarfien dwar l-UE; ċans ikbar liċ-ċittadini li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet u li jsemmgħu leħinhom b’mod effettiv; pożizzjoni iktar ċara miż-żewġ partiti politiċi dwar il-pjanijiet tagħhom għal Għawdex, mhux bħala gżira għaliha imma bħala parti minn Malta; l-isforz akbar u immedjat li jrid isir biex Għawdex jingħata l-attenzjoni li  jixraqlu mill-UE; l-organizzazzjonijiet iż-żgħar għandu jkollhom iktar fondi għall-proġetti tagħhom u mhux jikkompetu mal-Gvern; l-Għawdxin għandhom ikunu huma li jmexxu l-aġenda tagħhom skont il-bżonnijiet partikolari tagħhom.

Fir-reazzjonijiet tagħhom il-kelliema esprimew il-fehmiet tagħhom dwar l-Ewropa li jixtiequ jgħixu fiha: Ewropa li fiha ċ-ċittadini jħossuhom u jaġixxu aktar ta’ Ewropej; Ewropa li r-raġunijiet veri għas-sħubija fiha ma jkunux il-fondi jew raġunijiet simili imma l-prinċipji li fuqhom hi msejsa l-UE - is-solidarjetà, it-tmexxija reġjonali, u s-sussidjarjetà; Ewropa li titmexxa iktar ‘minn isfel għal fuq’ f’kull livell - kemm tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali; Ewropa li ‘ma titlifx ruħha’ billi jkollha mexxejja b’saħħithom u li jsaħħu l-valuri li sawruha.

Id-dibattitu taċ-ċittadini li jmiss ser isir nhar il-Ġimgħa, 13 ta' Settembru, f'Buġibba u ser ikollu t-tema, ‘Ewropa bla Fruntieri’. Din l-attività u oħrajn li se jsiru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin qed isiru b’fondi tal-UE taħt il-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.

Il-MEUSAC hu l-Koordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow