Left arrow Go Back

TISĦIĦ TAR-RABTIET FIS-SETTUR TURISTIKU BEJN MALTA U L-LIBJA

pr1763
Date Icon 22/08/2013

Illum bdew l-impenji uffiċjali tal-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja Ikram Bash Imam u d-delegazzjoni Libjana li tinsab f’Malta għal żjara uffiċjali fuq stedina tal-Gvern Malti.

Dalgħodu l-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja attendiet għal sessjoni plenarja mal-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Fil-ftuħ ta’ din is-sessjoni, il-Ministru Karmenu Vella semma kif wieħed mill-għanijijet ta’ din iż-żjara hi biex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja. Huwa semma’ kif fil-passat dawn issarrfu f’benefiċċji ekonomiċi kif ukoll turistiċi. Qal li jeżistu oqsma ta’ koperazzjoni li jistgħu jiġu sfruttati bejn Malta u l-Libja b’mod partikolari fis-settur turistiku.

Il-Ministru Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza tal-industrija turistika għall-ekonomija Maltija li b’mod dirett tikkontribwixxi medja ta’ bejn tnejn u għoxrin u tlieta u għoxrin fil-mija fil-prodott gross domestiku u ferm aktar b’mod indirett.

Il-Ministru Vella esprima x-xewqa li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fis-settur turistiku tissarraf ukoll f’benefiċċju għas-settur privat kemm għal Malta kif ukoll għal-Libja.

Min-naħa tagħha l-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja Ikram Bash Imam semmiet kif qed tħares ‘il quddiem lejn din l-ewwel żjara tagħha barra ’l pajjiż bħala Ministru għat-Turiżmu fil-Gvern Libjan. Hija qalet kif wara r-rivoluzzjoni li għaddiet minnha l-Libja, il-Gvern Libjan għadu fil-bidu tiegħu u qed iħares lejn esperjenzi pożittivi ta’ pajjiżi oħra, fost l-oħrajn lejn dik ta’ Malta fil-qasam turistiku. F’dan ir-rigward hija qalet li kien għalhekk li l-Gvern Libjan huwa interessat li jara x’għamlet Malta f’dan is-settur hekk importanti.

Fl-istess ħin saħqet li hija r-rieda tal-Gvern Libjan li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet mill-aktar b’saħħithom li dejjem kien hemm bejn Malta u l-Libja.

Intant waqt is-sessjoni plenarja ta’ dalgħodu kienu diskussa bosta temi fosthom ir-revizjoni fil-ftehim ta’ koperazzjoni fil-qasam turistiku li kien sar bejn Malta u l-Libja fl-elf disgħa mija u ħamsa u disgħin, it-tfassil ta’ programmi edukatttivi ta’ taħriġ fis-settur flimkien ma’ diskussjonijiet dwar żjara fil-Libja għall-operaturi turistiċi u n-negozji.

Intant, għada l-Ġimgħa l-Ministru għat-Turiżmu tal-Libja Ikram Bash Imam mistennija jkollha laqgħa maċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow