Left arrow Go Back

DISKORS TAL-MINISTRU GĦAS-SAĦĦA, L-ONOR. GODFREY FARRUGIA FIL-FTUĦ TAS-SEMINAR “DEVOLUZZJONI TA’ POTER FIS-SAĦĦA TAL-KURA PRIMARJA”, ORGANIZZAT MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA FLIMKIEN MAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KULTURA U GVERN LOKALI U L-ASSOĊJAZZJONI

pr1749
Date Icon 19/08/2013

Saħħitna, l-wellbeing ta’ kull wieħed u waħda minna ma jiddependiex biss fuq is-servizzi ta’ kura medika.  Illum il-ġurnata, l-Ministeru għas-Saħħa qed jaddotta l-kunċett ta’ Health in all Policies u bir-raġun, għax l-istat ta’ saħħitna jiddependi fuq kull aspett tal-ħajja li aħna lkoll ngħixu, jiġifieri minn dimensjonijiet soċjali, edukattivi u ta’ xogħol, u wkoll minn setturi oħra, bħal trasport jew ambjent, iżda wkoll u fuq kollox, mill-attitudni tas-soċjeta’ lejn il-ħarsien tal-ikel li nieklu, l-attivita’ fiżika u l-istil tal-ħajja li ngħixu. Għalhekk bniedem b’saħħtu, huwa bniedem li huwa b’saħħtu fiżikament, mentalment u soċjalment.

Dan il-kunċett ta’ Health in all policies irridu inħaddnuh aktar u x’hemm isbaħ milli naddottawh aktar fl-egħruq tas-soċjeta’ bis-saħħa tas-sehem dirett tal-Kunsilli Lokali?

Kunċett ieħor tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa li l-Ministeru mall-ewwel addotta, huwa li naħdmu bi tmexxija li tippromwovi l-whole of society approach bil-providement, il-parteċipazzjoni u l-immaniġġjar tas-servizzi tas-saħħa, b’mod partikolari dawk komunitarji minnkom hawn miġbura, li tirrappreżentaw gvernijiet lokali, organizzazzjonijiet volontarji mhux governattivi (NGO’s) u support groups.

Sa ftit snin ilu jien kont wieħed minnkom, nirrappreżenta l-lokalita’ ta’ Ħaż-Żebbuġ.  Fuq kollox jien tabib tal-familja, li qattajt tmienja u għoxrin sena ta’ ħidma kommunitarja.  Wieħed mill-aspirazzjonijiet li minn dejjem kelli kien propju t-tnedija tad-devoluzzjoni tal-poter lill-Kunsilli Lokali fil-qasam tas-saħħa biex bi sħab, nirrepeti bi sħab, u bid-direzzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa jitmexxew il-bereġ kollha ta’ Malta u Għawdex, b’ambitu ħolistiku tas-servizzi tas-saħħa primarja.  Huwa propju għalhekk għalfejn illum iltaqjna hawn. Fil-fatt waħda mill-wegħdi ewlenin fil-Manifest Elettorali ta’ dan il-Gvern hija appuntu dik li tgħid li ‘ser inkunu qed nesploraw u nħeġġu metodi kif il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jiġu nvoluti fil-qasam tal-kura fil-komunita`.  Din hija wegħda li l-Ministeru għas-Saħħa jrid jara li tiġi mwettqa, għax jien verament nemmen li l-qofol tas-servizzi tas-saħħa għandhom jersqu aktar viċin lejn fejn il-persuna tgħix u għalhekk tiġi organizzata u tigi mogħtija aktar fil-lokal ta’ fejn wieħed joqgħod.  X’hemm aħjar minn hekk!

Huwa għalhekk l-għan tal-Ministeru għas-Saħħa li se jkun qed iħeġġeġ biex din il-kollaborazzjoni tiżdied.  Għalhekk din il-konferenza se tindirizza diskussjoni miftuħa li ‘l quddiem, wara konsultazzjoni mal-istake holders kollha, nkluż l-unions, iniedu dan il-proġett Nazzjonali b’risq id-dinjita’ tal-pazjent, l-aktar dawk anzjani u pazjenti li jbatu minn mard kroniku.

Għalhekk jien qed nara sistema li hija mħaddna u regolata mid-Dipartiment tas-Saħħa, bi sħab mal-Kunsilli Lokali jew reġjuni, b’tali mod li l-Ministeru jsostni r-riżorsi finanzjarji u umani fuq servizz bażiku li hu ta’ kwalita`, filwaqt li l-Kunsilli Lokali ikollhom il-jedd li jieħdu ħsieb il-post minn fejn jingħata servizz, u l-għażla li jistgħu jkabbru s-servizzi komunitarji mogħtija. B’dan il-mod inkunu qegħdin verament nagħtu iżjed spazju lill-Kunsilli Lokali biex jagħtu l-kontribut tant bżonnjuż tagħhom fit-tfassil tal-politika nazzjonali tas-saħħa.

Dawn l-istess bereġ nemmen li nistgħu nutilizzawhom biex jingħataw u jkunu organiżżati servizzi oħra bħal ma huma servizzi ta’ prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa, servizzi li jingħataw minn health care professionals li jżuru l-pazjenti u l-familji tagħhom f’darhom u anke ehealth.

Għal dawn l-għanijiet il-Ministeru għas-Saħħa lest li jinvesti, u gradwalment jevolvi sistema flessibli li tkabbar dan is-servizz bi sħab magħkom filwaqt li noffru t-taħriġ vokazzjonali meħtieġ, biex ikollna kura ta’ kwalita li tkun aktar kontinwa, personalizzata u komprensiva, b’aktar aċċessibilita’ fil-bereġ tagħna.

Dan is-seminar huwa inizjattiva li se jiftaħ it-triq beraħ għal diskussjoni, qabel ma jiġi maħsub l-operat u l-immaniġġjar ta’ din l-wegħda li hija wara kollox riflessa fl-istrateġiji Nazzjonali għas-Sistema tas-Saħħa.

Għalhekk nawgura li dan is-seminar se jservi biex tkompli tiżdid il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa, s-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.  Nemmen li dawn l-inizjattivi se jirnexxu. Flimkien bħala team wieħed għandna naslu!


Mehmuż – Diskors tal-Onor. Jose Herrera – Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali
pr1749a.pdfpr1749a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU     Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar il-Baġit fit-tul tal-UE

PR262032

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU Il-Prim Ministru Robert Abela...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

More Press Releases Right arrow