Left arrow Go Back

TMIEN MILJUNI OĦRA GĦAJNUNA LILL-BDIEWA U RAĦĦALA

pr1735
Date Icon 15/08/2013

Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, l-Onor. Roderick Galdes qed iħabbar l-għeluq tal-proċess tal-għażla tal-proġetti għall-miżura M121 – Immodernizzar ta’ Strutturi Agrikoli.

L-għan ta’ din il-miżura huwa li tittejjeb il-kompetittività tas-settur agrikolu. Din il-miżura tfittex li tiffaċilita lill-bdiewa Maltin biex jagħmlu investimenti fil-metodi ta’ produzzjoni li jippermettulhom li jonoraw id-domanda u  l-kundizzjonijiet ġodda tas-suq. Permezz ta’ din il-miżura, il-bdiewa u r-raħħala qed jiġu appoġġjati biex jimmodernizzaw l-oqsma agrikoli u l-irziezet sabiex itejbu mhux biss il-prestazzjoni ekonomika tagħhom iżda wkoll l-ambjent, is-sigurtà okkupazzjonali, l-iġene u l-benesseri tal-annimali. Għas-setturi tal-bhejjem b’ mod partikolari, ir-ristrutturar u l-modernizzazzjoni huma essenzjali mhux biss biex itejbu l-maniġġ tar-razzett iżda wkoll biex itejbu l-effiċjenza u l-produttività tas-setturi filwaqt  li jiksbu prodotti ta’ kwalità ogħla.

Bdiewa full-time, bdiewa part-time u intrapriżi agrikoli involuti fil-produzzjoni agrikola reġistrati f’Malta setgħu japplikaw għal din il-miżura. Benefiċjarju jista’ jirċievi sa ħamsin fil-mija tan-nefqa totali eliġibbli ta’ spiża  fl-investiment propost, sa ammont massimu ta’  €150,000.

Il-fondi allokati għal din il-miżura kienu ta’ €4,000,000 li ġew imqassma skond is-setturi tal-produzzjoni agrikola. Ma’ dan l-ammont il-Gvern qed jistenna konferma uffiċjali mingħand il-Kummissjoni Ewropea dwar it-trasferiment ta’ 4 miljun ewro oħra fuq din il-miżura. Huwa previst li b’dan l-ammont ta’ fondi l-Gvern ikun  jista’ jilħaq ħamsin fil-mija tad-domanda għall-għajnuna li ġiet sottomessa. Il-fondi ser jiġu allokati skond il-punteġġ miksub hekk kif ippublikat fir-riżultat finali.

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Agrikultura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jifhem il-ħtieġa li hemm f’dan is-settur sabiex jirristruttura u jkun kompetittiv. Għalhekk qiegħed fi proċess li jevalwa l-proġetti li qed jiġu implimentati taħt miżuri oħrajn, bil-għan li jiddetermina l-ammont ta’ fondi li ma ntefqux u jallokahom ukoll fuq din il-miżura. B’dan il-Gvern ikun qiegħed jimmassimizza l-użu tal-fondi fejn l-aktar li hemm bżonn.

Dan ifisser li wegħda elettorali oħra qiegħda titwettaq, dik li Gvern jagħti nifs ġdid lil dan is-settur sabiex ma jitħalliex jaqa' lura.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ  Il-Ministru Chris Fearne jindirizza t-18-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

PR262031

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

More Press Releases Right arrow