STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026
- Studenti, edukaturi, ġenituri u esperti lokali u internazzjonali jiddiskutu l-futur tal-edukazzjoni, b’enfasi fuq il-benesseri u l-iżvilupp sħiħ tal-persuna
“Ma jistax ikollna edukazzjoni ta’ suċċess li tilħaq il-milja tagħha u dak li s-soċjetà tistenna minna, jekk ma npoġġux is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu sew jekk hux tal-edukatur jew tal-istudenti.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, waqt li kien qed jindirizza t-tieni edizzjoni tal-konferenza nazzjonali EduVoices, li din is-sena qed issir bit-tema ‘Il-Vuċi Tiegħek. Il-Benesseri Tiegħek. Il-Futur Tagħna’.
Il-konferenza sservi bħala pjattaforma ta’ djalogu nazzjonali li tlaqqa’ studenti, edukaturi, ġenituri, kustodji, esperti u partijiet interessati fis-settur edukattiv, bil-għan li l-esperjenzi u l-perspettivi tagħhom ikomplu jagħtu kontribut fit-tfassil tal-politika edukattiva ta’ pajjiżna.
It-tema magħżula għal din is-sena tirrifletti l-prijoritajiet li ħarġu mill-ewwel edizzjoni tal-konferenza fl-2025, fejn il-parteċipanti identifikaw il-benesseri u l-ħiliet għall-ħajja bħala elementi essenzjali fit-tħejjija tal-istudenti għall-futur.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza li l-edukazzjoni tħares lejn l-iżvilupp sħiħ tal-persuna, lil hinn mill-kisbiet akkademiċi, filwaqt li tagħraf ir-realtajiet, l-aspirazzjonijiet u l-isfidi differenti ta’ kull student.
“Dak li qed tħares lejh EduVoices, flimkien mal-ħsieb ġenerali tagħna, huwa li mhux biss ikollna benesseri u saħħa mentali aħjar għal kulħadd, iżda li kulħadd ikun jista’ jsib l-assistenza meta jitlobha jew meta jkollu bżonnha,” sostna l-Ministru Camilleri.
Il-Ministru enfasizza wkoll li l-benesseri għandu jkun parti mill-kultura ta’ kuljum fl-iskejjel u mhux xi ħaġa li tiġi indirizzata biss meta tinqala’ problema. F’dan il-kuntest, saħaq fuq il-ħtieġa li jingħata l-appoġġ meħtieġ lill-edukaturi, filwaqt li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel, il-familji u l-komunitajiet.
Il-benesseri huwa wkoll wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030, li tqiegħed l-iżvilupp tal-persuna fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni tas-settur edukattiv.
Il-Ministru Camilleri rrefera għall-miżuri mħabbra fil-Budget, fosthom l-investiment fi skejjel ġodda u fir-rinnovazzjoni ta’ skejjel eżistenti, l-installazzjoni tal-arja kundizzjonata fl-iskejjel, il-preżenza ta’ professjonisti tas-saħħa fl-iskejjel, aktar taħriġ, miżuri favur il-qari u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema fis-settur edukattiv. Huwa spjega kif dawn il-miżuri għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-ambjent edukattiv u għall-benesseri ta’ dawk li jitgħallmu u ta’ dawk li jaħdmu fl-iskejjel.
Min-naħa tagħha, id-Direttur għall-Ippjanar u l-Prospettiva Strateġika fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Dr Pamela Marie Spiteri, spjegat li l-konferenza tirrifletti sena ta’ ħidma u konsultazzjoni mal-komunità edukattiva. “EduVoices hija konferenza nazzjonali fejn, wara sena ta’ ħidma ma’ studenti, għalliema u ġenituri, illum stajna naraw ix-xogħol u r-riflessjonijiet tagħhom. Għandna wkoll mistednin distinti, fosthom rappreżentanti tal-UNESCO u tal-OECD, li magħhom qed naħdmu fuq il-prospettiva strateġika u fuq dak li jixtiequ l-għalliema u l-istudenti għall-iskejjel tagħhom,” qalet Dr Spiteri.
Element ċentrali tal-konferenza kien il-kontribut tal-istudenti, li permezz tal-esperjenzi tagħhom qasmu l-ħsibijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar kif l-iskejjel jistgħu jkomplu jsaħħu l-benesseri, is-sens ta’ appartenenza u r-relazzjonijiet bejn l-istudenti.
Kylie Cutajar, studenta mill-Iskola Primarja tar-Rabat fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola, enfasizzat l-importanza li ħadd ma jħossu waħdu fl-iskola, filwaqt li ħeġġet lill-istudenti jinkludu lil dawk li jkunu waħedhom waqt il-ħin tal-mistrieħ, billi jistidnuhom jilagħbu magħhom jew iqattgħu ftit ħin jitkellmu magħhom.
Nina Muscat, studenta mill-Iskola Primarja Santa Monika f’Birkirkara, tkellmet dwar l-importanza tar-rispett lejn xulxin, filwaqt li enfasizzat l-impatt li l-kliem jista’ jkollu fuq is-sentimenti ta’ ħaddieħor.
Alex Zammit, student mill-Iskola St Francis ta’ Bormla, esprima x-xewqa tiegħu li t-tfal jipparteċipaw aktar fl-isport u li waqt il-lezzjonijiet jiffaċilitaw il-ħidma tal-għalliema u jifhmu aħjar dak li jkunu qed jitgħallmu.
Min-naħa tagħha, l-edukatriċi Tiziana Grima tkellmet dwar il-kontribut tal-inizjattiva EduVoices fil-ħidma tal-edukaturi u fl-għarfien ta’ dak li jikkontribwixxi għall-benesseri tat-tfal. “EduVoices kompliet tgħinna nħeġġu lit-tfal jagħrfu dak li jagħmilhom kuntenti. Fl-istess waqt, tinkoraġġixxi lilna bħala edukaturi biex ngħinuhom jiftakru f’dak li jagħmilhom kuntenti u nkomplu naħdmu biex insaħħu l-benesseri tagħhom bl-aħjar mod li nistgħu,” qalet l-edukatriċi Tiziana Grima.
Il-programm tal-konferenza inkluda wkoll preżentazzjonijiet dwar il-kampanja nazzjonali ta’ għarfien favur il-benesseri tal-istudenti, diskussjonijiet ma’ esperti u sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li se jsawru l-futur tal-edukazzjoni.
Il-konferenza nazzjonali qed issir bħala parti mill-EduVoices Week, bil-kollaborazzjoni ta’ esperti internazzjonali mill-UNESCO u mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, l-esperjenzi tal-komunità edukattiva, ir-riċerka u l-għarfien espert għandhom ikomplu jservu ta’ bażi għat-tfassil ta’ politika edukattiva li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum u għall-isfidi tal-futur.
Other Press Releases:
PR262029
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...
PR262028