STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT U L-INFRASTRUTTURA
Il-Proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla - Kif imwiegħed: Sa Settembru 80% tal-proġett se jingħata lura lill-poplu
Bħalma ġie mwiegħed, 80% tal-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla, se jingħata lura lill-poplu sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn qegħdin isiru x-xogħlijiet f’Bormla, li matulha ħabbar li x-xogħol fuq il-maġġor parti tat-toroq tlesta qabel iż-żmien, filwaqt li bħalissa hemm ħames tenders li ġew approvati u qed jiġu aġġudikati.
Dan ifisser li wegħda elettorali oħra qiegħda titwettaq, dik li Gvern ġdid imidd idejh u jagħti prijorità biex jitlesta dan il-proġett bil-għan li jkompli bir-riġenerazzjoni tal-Kottonera u l-madwar.
Ix-xogħol fuq il-ħames tenders se jibda f’Ottubru li ġej u huwa mqassam hekk -
1. Xogħol strutturali u ‘finishes’ tal-Belvedere Area (fuq il-klabb tar-regatta)
2. Xogħol ta’ kostruzzjoni ta’ pont (pedestrian bridge) bejn l-Isla u Bormla
3. Pavimentar fi Pjazza Gavino Gulia
4. Pavimentar quddiem il-British and Knights Buildings
5. Xogħlijiet strutturali u ‘finishes’ ta’ St Paul’s link – li jinkludu t-taraġ u l-lift mil-livell tal-Baċir sal-livell ta’ Triq San Pawl li tmur għall-Bieb tal-Isla.
Barra minn hekk, hemm tender ieħor li għalaq illum, għal xogħol ta’ servizzi ta’ Pjazza Gavino Gulia. Dawn ix-xogħlijiet se jibdew dalwaqt u mistennija jitlestew fi tliet xhur biex ma jkunx hemm inkonvenjenzi fil-festa tal-Kunċiżżjoni.
Hemm ukoll xogħlijiet ta’ tħawwil ta’ siġar, li mistennija jkunu tħawlu sa Ottubru u sistemi ta’ dwal, li huma ordnati u f’Settembru jibdew jitwaħħlu.
Ix-xogħlijiet mexjin fl-istess waqt u b’kollox jitlestew sa Awwissu tas-sena d-dieħla. Il-Ministru Mizzi fakkar li x-xogħol kollu li kien sar ħażin inqala’, ġie rranġat u x-xogħol miexi kif ippjanat.
Dan kollu jxejjen rapporti li dehru fuq ċertu mezzi tax-xandir, fejn ġie allegat li t-toroq se jerġgħu jinqalgħu għat-tielet darba. Dan kien biss sforz miskin biex tingħata l-impressjoni li l-Gvern preżenti qed ikompli jkaxkar saqajh f’dan il-proġett, l-istess bħalma għamel il-Gvern preċedenti ma’ dawk ir-residenti kollha tal-Kottonera, li ilhom snin twal jiġu mwiegħdin dan il-proġett.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030