PAJJIŻNA JOSPITA LILL-EUROPEAN UNION YOUTH ORCHESTRA GĦALL-EWWEL DARBA
Nhar il-Ħamis pajjiżna ser jospita waħda mill-akbar orkestri li qatt ġew f’pajjiżna. Din hija l-European Union Youth Orchestra li fiha hemm jipparteċipaw mal-125 mużiċist żgħażugħ mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fosthom tlett żgħażagħ Maltin.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-post fejn ser isir dan il-kunċert, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura u l-Kunsilli Lokali José Herrera qal li l-kultura hija l-aqwa mod ta’ kif nistgħu nelevaw il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Huwa qal li dan il-kunċert ser ikun qed jaħbat mal-inawgurazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal, li mill-Ħamis uffiċjalment jgħaddi għal taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kultura.
Is-Segretarju Parlamentari qal li dan it-Teatru ilu fil-mira tal-kontroversja sa mill-ewwel żminijiet tiegħu. Huwa qal li dan il-post joffri sfidi partikolari u l-Gvern kommess jimmassimizza l-vantaġġi tiegħu. Tenna, li Pjazza Teatru Rjal huwa spazju miftuħ li ser jintuża b’mod kreattiv u versatili fejn l-arti u l-kultura jingħaqdu. Permezz ta’ dan il-proġett u aktar proġetti li s-Segretarjat immexxi minnu qed jaħdem fuqu, il-Gvern kommess li bil-kultura jkattar l-impjiegi fil-pajjiż.
Dwar l-EUYO huwa qal li din l-orkestra tirrappreżenta Ewropa magħquda b’diversità ta’ kulturi minn mużiċisti żgħażagħ li jirrappreżentaw lill-istati membri differenti. “Din l-orkestra tipprovdi opportunità rari fejn żgħażagħ jaħdmu mal-aqwa talent u għalhekk huwa ta’ pjaċir tiegħi li nospitawhom f’pajjiżna”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Il-Kunċert ta’ nhar il-Ħamis fit-8.30 pm, qed jiġi organizzat bil-kollaborazzjoni ta’ V18 bis-sapport tal-MCCA, ir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’pajjiżna bi sħab mal-MEUSAC, il-Fondazzjoni Mackintosh u l-MTA.
Iċ-chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal li t-titlu tal-Belt Valletta ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 huwa opportunità biex il-qasam kulturali u artistiku ta’ pajjiżna, jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu, b’mod li jħalli wirt lil hinn mis-sena nnifisha. Huwa qal li l-kunċert tal-EUYO huwa okkażjoni sabiħa biex niċċelebraw id-dimensjoni internazzjonali tal-arti, u hu proprju għalhekk li l-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tagħti s-sostenn tagħha anke b’mod finanzjarju lejn dan il-kunċert. Huwa qal li t-tliet mużiċisti Maltin li jiffurmaw parti minn din l-orkestra jagħmlu isem għal pajjiżna f’waħda mill-organi kulturalment importanti tal-Unjoni Ewropea. L-opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna fil-qasam tal-arti u l-kultura jeħtieġ li jkomplu jitkattru.
Jason Micallef saħaq ukoll dwar l-importanza li biex il-Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-Belt tassew tkun suċċess jeħtieġ li l-entitajiet kollha li għandhom għal qalbhom il-qasam kulturali jaħdmu flimkien u jikkonsolidaw l-impenn tagħhom mingħajr wisq frammentazzjoni. Huwa qal li filwaqt li wieħed għandu jirrispetta r-rwoli partikolari tal-aġenzjiji u entitajiet kulturali f’pajjiżna, ikun tajjeb, u huwa fiduċjuż, li dawn jiġbdu ħabel wieħed lejn is-suċċess tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Ic-chairman tal-MCCA Albert Marshall qal li l-proġett EUYO huwa ffinanzjat minn għotjiet li ġejjin minn kull stat membru tal-Unjoni. Malta, permezz tal-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti, kull sena tgħaddi 10,000 ewro lill-Orkestra li bis-saħħa ta’ din l-għotja finanzjarja, l-artisti u l-mużiċisti Maltin ikollhom dritt li jipparteċipaw f’din l-Orkestra.
Dan l-avveniment, tenna Albert Marshall, li ser jinkludi 152 mużiċist fuq il-palk, huwa sinifikanti fit-tnedija tal-ispazju ġdid Pjazza Teatru Rjal għaliex dan ser ikun test b’saħħtu fejn għandu x’jaqsam mal-amplifikazzjoni u spettaklu viżiv.
Mistoqsijin mill-ġurnalisti, Dr. Herrera u Albert Marshall fissru li l-isem Pjazza Teatru Rjal oriġina mill-fatt li Renzo Piano kkonċepixxa l-ispazju bħala pjazza u mhux teatru imma din il-pjazza ġiet iddisinjata fuq il-fdalijiet tat-Teatru Rjal. Dan wassal biex ittieħdet id-decizjoni li l-ispazju l-ġdid jissejjaħ b’kombinazzjoni tat-terminu Pjazza mal-isem storiku tas-sit li huwa t-Teatru Rjal.
Id-Direttur Artistiku tal-Malta Arts Festival Mario Frendo qal li hemm tliet raġunijiet prinċipali għala l-kunċert tal-EUYO f’Malta huwa importanti. L-ewwelnett, l-EUYO hija waħda mill-ambaxxaturi kulturali prinċipali tal-UE. L-orkestra toffri pjattaforma unika u motivazzjoni lill-mużiċisti Ewropej waqt li dawn ikunu qed jippreparaw biex jidħlu fix-xena professjonali. Ukoll, Malta hija l-unika pajjiż Ewropew li l-EUYO għadha qatt ma żaret. Għalhekk, tenna Mario Frendo, il-Malta Arts Festival ħadem biex din l-orkestra tiġi Malta u toffri programm lill-udjenzi Maltin, anke jekk dan kien ifisser li nestendu d-durata tal-Festival.
It-tieni raġuni hi d-dimensjoni Ewropea li din l-orkestra tippossjedi, tenna Mario Frendo. Fl-aħħar, il-kuncert jissotolinea l-kollaborazjoni bejn il-Malta Arts Festival u l-V18. Huwa qal li l-Malta Arts Festival dejjem ħadem flimkien ma’ V18 u pproġetta direzzjoni li tinkludi l-viżjoni li se twassalna lejn l-2018, fejn Malta se tkun ċentru kulturali fuq livell internazzjonali.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Ezekuttiv tal-GHRC qal li fit-8 t'Awissu, il-GHRC ser tagħti formalment il-handover ta' parti mill-proġett ta' Bieb il-Belt li huwa l-Pjazza Teatru Rjal. Is-Segretarjat Parlamentari tal-Kultura, għal din l-okkazjoni flimkien mal-MCCA u V18 qed jagħmlu kunċert speċjali biex jikkommemoraw dan l-avveniment, tenna Paris. Il-GHRC, permezz tal-perit Renzo Piano u l-kuntratturi, prattikament lestew il-parti tal-proġett li tinkludi wkoll sistema awdjoviżiva u faċilitajiet relatati għall-ispettakli li jiġu organizzati mis-Segretarjat Parlamentari tal-Kultura.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030