DISKORS MILL-ONOR. CHRIS CARDONA, MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR WAQT IL-KONFERENZA DWAR AKTAR OPPORTUNITAJIET GĦAN-NEGOZJI ŻGĦAR U MEDJI, Il-BELT VALLETTA, IT-TNEJN 5 TA’ AWWISSU 2013
Sinjuri,
Sejjaħna din il-konferenza tal-aħbarijiet biex nagħtukom id-dettalji dwar deċiżjoni li ttieħdet mill-kabinett u li għandha twassal biex aktar Negozji żgħar u medji (SMEs) ikunu f’pożizzjoni li jitfgħu l-offerti tagħhom u jidħlu għal tenders tal-Gvern.
Din id-deċiżjoni se tkun materjalizzata permezz ta’ numru ta’ miżuri immedjati kif ukoll oħrajn li se jidħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej, biex b’hekk tkun qed tiġi mwettqa proposta oħra fil-Programm ta’ ħidma tal-Gvern dik li;
Ikun assigurat li jitneħħa mill-proċess ta’ tenders pubbliċi xkiel għal kumpaniji ġodda jew dawk meqjusa żgħar biex dawn ukoll jingħataw iċ-ċans mistħoqq li jikkompetu ġustament. Fil-qafas tar-regoli tal-Unjoni Ewropea, nallokaw tenders li jkunu għal kumpaniji ż-żgħar.
F’Malta, n-negozji żgħar u medji jammonta għal madwar 99% tal-kumpaniji, li minnhom 99% huma micro companies. Għaldaqstant, il-Gvern ħass li kienet prijorità li jitfasslu u jkunu implimentati numru ta’ miżuri u inizjattivi ntiżi biex jiffaċilitaw l-aċċess lil SMEs għal kuntratti pubbliċi, sa minn kmieni fil-leġislatura.
L-intenzjonijiet ta’ dan il-Gvern minn dejjem kienu ċari;
Irridu nkunu Gvern li jkun favur in-negozju.
Irridu nkunu Gvern li jagħraf ir-rwol tiegħu bħala regolatur u faċilitatur.
Irridu fuq kollox inkunu Gvern li nħallu n-negozju jaħdem.
Dan kollu se nkunu qed nwettquh fost l-oħrajn b’din id-deċiżjoni politika li niffaċilitaw il-proċess tal-kuntratti pubbliċi għan-negozji żgħar u medji b’dawn il-miżuri li se nkun qed nelenka;
Għal tenders dipartimentali ta’ mhux aktar minn 120,000 Ewro mhux ħa tintalab aktar Bid-Bond. Dan ħa jkun b’effett mill-1 ta’ Ottubru, 2013 biex jingħata żmien li jsiru l-arranġamenti amministrattivi neċessarji.
Kif ukoll, mhux ħa tkun qed tintalab iżjed Performance Guarantee b’effett mill-1 ta’ Ottubru, 2013 għall-istess tenders dipartimentali għall-kuntratti b’valur ta’ 10,000 Ewro. Id-Dipartiment tal-Kuntratti ħa jkun qed joħroġ Guidelines biex iħabbar dan fil-ġimghat li ġejjin, liema guidelines ħa jkunu wkoll qed jirriflettu reviżjonijiet oħra favur in-negozji żgħar u medji.
Dan mhux biss se jkun qed jiffaċilita l-aċċess għall-kuntratti pubbliċi, imma wkoll se jkun qed jagħti nifs lil kumpaniji f’dak li għandu x’jaqsam ma’ likwidità.
L-intenzjoni tal-Gvern hija li jkompli jinvesti fil-pjatta forma elettronika tal-Elettronic Public Procurement System (EPPS).
Din hija sistema bbażata fuq Website li tiffaċilita iċ-ċiklu kollu tal-proċess tat-tenders kemm għal min qed jipprovdi servizz jew jissuplixxi prodott kif ukoll għal min qed jirċievi dawn is-servizzi u prodotti.
Din is-sistema hija ddisinjata biex tinkorpora kull sejħa ppubblikata mid-dipartimenti tal-Gvern u organizzazzjonijiet pubbliċi.
Ninsab infurmat li d-dipartiment tal-kuntratti qed jagħmel sejħa lil dawk l-operaturi ekonomiċi interessati li jattendu taħriġ fuq din is-sistema. Mijiet ta’ persuni filfatt diġà attendew għal dawn il-korsijiet.
Apparti minn hekk kull darba li qed ikun ippubblikat E-tender, qed jiġi organizzat workshop lill-offerenti prospettivi ħalli jkunu mħarrġa kif jistgħu jissottomettu l-offerti tagħhom b’din is-sistema.
Il-Gvern jemmen ukoll li għandu jkun hawn aktar għarfien, fost in-negozji żgħar u medji, dwar dawn l-opportunitajiet ta’ kuntratti pubbliċi.
Għalhekk se naraw li tinħoloq sistema ta’ direct mailing offruta mid-Dipartiment tal-Informazzjoni, li tkun bla ħlas għal dawk kollha li jużaw is-sistema tal-email. B’hekk dawn ikunu jistgħu jirċievu b’email is-sejħiet għal offerti li jsiru mid-dipartiment tal-Gvern, l-aġenziji tiegħu u anke l-kunsilli lokali.
Dawk in-negozji li se jkunu qed jiftħu ġodda se jkunu qed jimlew formula biex mal-mument tar-reġistrazzjoni jibdew jirċievu l-informazzjoni dwar it-tenders riklamati.
Din il-proċedura se tkun koerenti mad-direttiva tas-servizzi tal-Unjoni Ewropea.
Fuq kollox imma se nkunu qed nbiddlu is-sistema li kienet adottata s’issa fejn id-dipartimenti jibagħtu s-sejħiet lil dawk il-kumpaniji li jkunu diġà fuq il-lista tagħhom u għalhekk jinħoloq żvantaġġ kontra dawk il-kumpaniji ġodda jew li qatt ma provdew xi servizz jew prodott.
Minn naħa tagħna bħala Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar qed nħarsu wkoll lejn il-possibbiltà li permezz tal-Malta Enterprise nibdew noffru skemi biex in-negozji jibdew jinvestu fl-infrastrutura ta’ IT li tippermettilhom jidħlu għal dawn l-E-tenders.
Inizjattiva oħra importanti hi li uffiċjali mid-Dipartiment tal-Kuntratti ħa jkunu qegħdin jaħdmu qrib l-Malta Enterprise fejn dawn ħa jibdew ikunu wkoll preżenti fl-istess Malta Enterprise biex jagħtu l-għajnuna neċessarja lil Start-ups għar-rigward ta’ pariri fuq Public Procurement. L-istess Contracting Authorities ħa jkunu qed jintalbu biex joħorgu guidelines li bihom jiddiskrivu u jikkjarifikaw il-ħtiġijiet tagħhom mill-aspett funzjonarju bħal, per eżempju, product sampling.
Irridu li l-akbar fierxa ta’ negozji żgħar u medji jingħataw l-opportunità jidħlu għal kuntratti pubbliċi.
Għalhekk qed ngħidu li d-Dipartiment tal-Kuntratti għandu jirrevedi il-linji gwida tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti tal-esperjenza neċessarja.
Uħud mit-tenders ippubblikati jistipulaw li l-offerent għandu jipprova li għandu l-esperjenza jew li għandu esperjenza diġà mal-Gvern.
Għalkemm nifhmu li f’ċertu setturi hemm bżonn l-esperjenza, f’oħrajn din is-sistema trid tinbidel.
Fejn ikun ekonomikament vijabbli rridu li l-kuntratti pubbliċi jinħarġu f’lots differenti.
Bażikament li rridu huwa li mhux joħroġ kuntratt wieħed li jinkorpora diversi servizzi u prodotti. Imma fejn ikun possibbli joħorġu kuntratti speċifiċi. Dan għaliex mhux dejjem huwa possibli li taqsam dawn it-tip ta’ sejħiet.
Bħala Gvern ħa nkunu qegħdin naraw li l-Framework Agreements jingħataw iżjed importanza. Għalkemm dawn diġà jeżistu jeħtieg li jsir iżjed użu aħjar minnhom.
Finalment irridu nassiguraw li l-offerenti jingħataw l-informazzjoni neċessarja dwar l-obbligi tagħhom partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prattiċi inġusti ta’ kummerċ kif ukoll prattiċi dwar ix-xogħol.
Bażikament mhux se nittolleraw li l-kumpaniji jilagħbu mal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Kif għamilha ċara wkoll l-Prim Ministru dan il-Gvern mhux se jaċċetta li f’kuntratti Pubbliċi jsiru mossi ‘loopholes’ biex ma jkunux imħarsa d-drittijiet tal-ħaddiema.
Aħna lesti li nifirxu l-opportunitajiet, li niffaċilitaw il-proċessi u li fuq kollox inħallu n-negozju jaħdem.
Dan se nibqgħu nagħmluh b’kundizzjoni ċara ħafna; li l-kundizzjonijiet tal-impjiegi għandhom ikunu rrispettati.
Din id-deċizjoni politika li qed nħabbru llum hija pass ieħor sinifikanti li qed nieħdu sa minn kmieni f’din il-leġiżlatura favur in-negozji.
Hija miżura oħra li tingħaqad mal-konsultazzjoni pubblika li propju għaddejja bħalissa dwar il-liġi innovattiva dwar In-Negozju tal-Familja. Matul dan iż-żmien ta’ konsultazzjoni komplejt napprezza kemm tassew hija prijorità għan-negozji f’Malta bl-interess li ħolqot fost l-istakeholders.
Il-miżuri mħabbra llum jingħaqdu wkoll u jikkumplimentaw il-ħidma li għaddejja mis-Segretarju Parlamentari Michael Farrugia u mill-Kummissjoni responsabbli mis-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-Burokrazija Michael Falzon li propju ftit tal-jiem preżentaw il-website uffiċjali; simplification.gov.mt.
Dan huwa biss l-bidu tal-ħidma tagħna.
Konxji mill-fatt li fadal ħafna xi jsir iż-żmien li ġej se nissuktaw bil-ħidma tagħna biex nimplimentaw aktar miżuri li jistimulaw l-ekonomija, li jerġgħu jqajmu n-negozju, li jinċentivaw il-ħolqien tal-impjiegi u li jgħinu fit-tkattir ta’ klima li tagħti serħan il-moħħ u tattira lil min irid jinvesti, Malti u barrani.
Diġà qed nibagħtu sinjali pożittivi tal-potenzjal li joffri pajjiżna.
Diġà qed naraw tkabbir ekonomiku pozittiv.
U dan rridu nkomplu nsaħħuh biex ikollna tkabbir ekonomiku reali u sostenibbli li jilħaq lil kulħadd.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030