KONFERENZA DWAR ID-DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADINI TAL-UNJONI EWROPEA
L-Unjoni Ewropea ddedikat is-sena 2013 bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini. L-għan ewlieni ta' din is-Sena hu sabiex iċ-Ċittadini tal-Unjoni Ewropea jagħrfu aħjar x'inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej.
Is-Sena tipprovdi opportunità liċ-ċittadini tal-UE biex jitgħallmu dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet li ċ-ċittadinanza tal-UE ġġib magħha, fosthom id-dritt għall-moviment ħieles tal-persuni, it-tiftix ta’ xogħol f’pajjiżi oħra tal-UE, id-dritt għal protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-UE, u d-dritt li ċ-ċittadini jieħdu sehem attiv fil-ħajja demokratika tal-UE.
Fost l-attivitajiet li qed isiru matul din is-Sena Ewropea, il-MEUSAC - li huwa l-kordinatur nazzjonali tas-Sena Ewropea - organizza konferenza dwar iċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet li għandhom iċ-ċittadini tal-Unjoni.
Waqt id-diskors tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, qalet li d-dibattitu li bħala soċjeta` għandu jkollna għandu jkun iffukat dwar kif id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea ma jibqgħux fuq il-karta imma jsiru realtà aċċessibbli għall-benefiċċju taċ-ċittadini. Hi qalet li għandna nżommu f’moħħna wkoll il-bżonn li ċ-ċittadini jħossu dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern permezz tal-MEUSAC qiegħed ikompli jxerred l-għarfien fost il-poplu u jkattar id-dibattitu dwar iċ-ċittadinanza Ewropea.
Il-konferenza ffukat fuq ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea 2013, li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet fid-9 ta’ Mejju li għadda. Il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jiddiskutu wħud mit-tnax-il azzjoni proposti fir-Rapport: it-tneħħija tal-ostakli għall-ħaddiema u l-apprentisti fl-UE; il-protezzjoni tal-iktar vulnerabbli fl-UE; il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-UE; l-informazzjoni mmirata u aċċessibbli fl-UE.
F’kumment li ta dwar il-konferenza, il-Kap tal-MEUSAC Dott. Vanni Xuereb qal li, “Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea huma mħeġġa jieħdu sehem attiv fit-tfassil tal-politika Ewropea. Din il-konferenza kienet il-forum ideali fejn il-parteċipanti setgħu jiddiskutu temi li joħorġu mir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea: ‘Iċ-Ċittadinanza Ewropea - Id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek”.
Is-Sur Martin Bugelli, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, irrefera għall-istħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru li fih irriżulta kemm il-Maltin mhumiex biss ċittadini Ewropej infurmati imma huma wkoll responsabbli. Huwa qal li l-poplu Malti mhux Ewropew tal-bnazzi biss imma jissodisfa wkoll l-obbligi tiegħu bil-parteċipazzjoni attiva fil-proċess demokratiku Ewropew.
Min-naħa tiegħu, Dott. Peter Agius, Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, qal li s-sena Ewropea taċ-Ċittadini għandha tiċċelebra fuq kollox ir-rwol ċentrali taċ-ċittadin li jeżiġi d-drittijiet tiegħu mill-UE u b'hekk ifisser f'realtà ċ-ċittadinanza Ewropea li jekk ma tipproduċix benefiċċji reali tibqa' biss kunċett astratt.
Matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-MEUSAC se jkun qiegħed jorganizza sensiela ta’ taħditiet pubbliċi f’għadd ta’ lokalitajiet differenti, bis-sehem ta’ esperti f’suġġetti differenti marbuta maċ-ċittadinanza Ewropea. Dawn l-attivitajiet u l-Konferenza huma ffinanzjati mill-UE taħt is-Sħubija ta' Ġestjoni bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea bis-sehem tal-Parlament Ewropew.
Għal aktar tagħrif dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, żur www.meusac.gov.mt u http://europa.eu/citizens-2013.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030