IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U L-AMBAXXATUR TAL-AZERBAIJAN F’TAĦDIDIET DWAR KOPERAZZJONI BEJN MALTA U L-AZERBAIJAN FL-OQSMA TAT-TURIŻMU U L-KULTURA
L-Ambaxxatur tal-Azerbaijan l-E.T. Vaqif Sadiqo għamel żjara ta’ kortesija lill-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella, biż-żewġ naħat jirrikonoxxu r-relazzjonijiet politiċi b’saħħithom li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-Ambaxxatur Sadiqo semma’ kif is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż issa hija waħda stabbli, u spjega kif preżentament, il-gvern tal-pajjiż għaddej b’ħidma fuq diversi prijoritajiet fosthom it-tkabbar tal-ekonomija u ż-żieda fl-ammont ta’ turisti li jżuru ’l-Azerbaijan.
Filwaqt li ddeskriva lil Malta bħala destinazzjoni turistika magħrufa sew fl-Azerbaijan, l-Ambaxxatur Sadiqo esprima x-xewqa tiegħu li jkunu organizzati żjajjar fl-Azerbaijan għall-aġenti tal-ivvjaġġar Maltin u ġurnalisti sabiex jiżdied in-numru ta’ Maltin li jżuru dan il-pajjiż.
Iż-żewġ naħat iddiskutew metodi ta’ tisħiħ ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fl-oqsma tat-turiżmu u l-kultura, fejn irrikonoxxew l-opportunitajiet li jeżistu u li jistgħu jkunu sfruttati. F’dan ir-rigward l-Ambaxxatur semma’ kif l-ambaxxata qed tippjana li ttella’ kunċert mużikali flimkien ma’ wirja kulturali f’Malta biex tqajjem aktar kuxjenza dwar il-kultura tal-pajjiż. Bl-istess mod qal li jixtieq li Malta tikkontribwixxi fl-Azerbaijan biex tesponi t-talenti tal-mużiċisti u artisti Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella semma’ kif bħalissa jinsab fl-aħħar stadju tiegħu t-tħejjija tal-ftehim fuq it-tneħħija tat-tassazzjoni doppja (double taxation agreement) filwaqt li saħaq fuq l-importanza li ż-żewġ naħat jiffirmaw ftehim bilaterali dwar l-oqsma tat-turiżmu u l-kultura.
Il-Ministru Vella semma’ wkoll il-possibilità li ż-żewġ pajjiżi jiffirmaw ftehim biex ikun hemm assistenza fejn għandu x’jaqsam taħriġ fl-ospitalità fis-settur turistiku.
L-Ambaxxatur tal-Azerbaijan temm jgħid li hija x-xewqa tal-gvern tiegħu li l-Ministru għat-Turiżmu Malti jżur il-pajjiż fix-xhur li ġejjin, bil-Ministru Vella jirreċiproka din l-istedina lill-Ministru tal-Kultura u Turiżmu tal-Azerbaijan.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030