DISKORS MILL-ONOR. MICHAEL FARRUGIA, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U S-SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA, FL-OKKAŻJONI TAT-TNEDIJA TAL-WEBSITE IL-ĠDIDA TAL-KUMMISSARJU GĦAS-SIMPLIFIKAZZJONI U T-TNAQQIS TAL-BUROKRAZIJA
Naqtgħu l-burokrazija żejda għall-ġid tal-poplu kollu. Din kienet waħda mill-wegħdiet elettorali illi dan il-Gvern għamel qabel l-elezzjoni li għaddiet. Wegħda li bi ħġaru l-poplu vvota għaliha u aħna se nibdew nimplimentaw.
Kien għalhekk illi hekk kif kont fdat bir-responsabiltà ta’ Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bdejt mill-ewwel bil-laqgħat ħalli jinħadem pjan għas-Simplifikazzjoni Amministrattiva biex tonqos il-burokrazija.
Flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar u team ta’ nies oħra, il-Prim Ministru għoġbu jaħtar lil Dr. Michael Falzon bħala Kummissarju responsabbli mis-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-burokrazija biex jeżamina kontinwament il-prassi burokratiċi fl-entitajiet tal-Gvern.
Dalgħodu sejjaħnielkom biex nippreżentaw l-ewwel pass uffiċjali f’dan ir-rigward fejn qed inniedu l-website il-ġdida għall-Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija bil-kunċett ta’ ‘Eħfef dejjem aħjar’ – ‘Simpler is Better’. Bit-twettiq ta’ dan il-kunċett nemmnu li l-poplu għandu jkun moqdi aħjar, filwaqt li nnaqqsu l-ħela ta’ flus u riżorsi umani.
Biex wieħed ikollu aċċess għal din il-website, irid jidħol fuq simplification.gov.mt.
Meta wieħed jidħol fil-website jinduna li qegħda mfassla b’tali mod li twassal il-messaġġ li aħna rridu nissimplifikaw u niffaċilitaw il-proċeduri.
Mhux sempliċiment biex inkunu għamilna xi ħaġa, imma għax nemmnu li ċ-ċittadin jixraqlu jinqeda aħjar u fil-ħin mingħajr ġiri minn dipartiment għall-ieħor. Il-ħin prezzjuż għal kulħadd. L-istess għan-nies fis-settur tan-negozju u business fejn il-ġiri l’hemm u l’hawn hu prezzjuż u jiswa l-flus.
Qed nuru wkoll li rridu l-impjegati taċ-ċivil, awtoritajiet u entitajiet oħra li jkunu parti minn din il-bidla fejn huma stess jersqu ‘l quddiem bis-suġġerimenti u pariri tagħhom ħalli nissimplifikaw il-proċeduri u ċ-ċittadini jkunu moqdija kif jixraq bi proċeduri sempliċi, trasparenti u li jinftehmu faċilement.
Fil-fatt diġà beda xogħol estensiv fis-settur tal-MEPA biex jiġu ssimplifikati policies, proċeduri eċċ.
Għalhekk fejn tidħol amministrazzjoni pubblika aħna se nkunu impenjati li jkun hemm proċeduri sempliċi li jagħtu riżultat u sodisfazzjon akbar fix-xogħol.
Qed nistiednu lil persuni minn kull sfera tal-ħajja biex isemmgħu l-vuċi tagħhom f’dan il-proċess, billi jibagħtu email fl-email address ipprovdut fuq l-istess website, jew billi jċemplu freephone 153.
L-emails huma :
simplification.citizen@gov.mt fejn qed nistiednu liċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom fejn qed jiltaqgħu ma’ burokrazija żejda u jagħtu l-pariri tagħhom, kif jistgħu jiġu simplifikati l-proċeduri.
simplification.business@gov.mt l-istess hawn nistiednu lil persuni fis-settur tan-negozju u business biex jersqu ‘l quddiem.
simplification.administration@gov.mt ahna rridu li l-ħaddiema, bħal ma għidt qabel, jersqu ‘l quddiem biex ikunu parti mill-bidla.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030