IMĦABBRA ESPRESSJONI TA’ INTERESS GĦALL-PROVVEDIMENT TA’ SODOD GĦALL-KURA FIT-TUL GĦALL-ANZJANI
Biex jilqa’ għat-talba li teżisti f’pajjiżna għal servizzi ta’ kura fit-tul għall-anzjani, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Dr Franco Mercieca ħabbar uffiċjalment sejħa ta’ Espressjoni ta’ Interess għall-provvediment mis-settur privat ta’ faċilitajiet għal anzjani li jkunu jeħtieġu kura fit-tul (Long Term Care).
Meta kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla llum waranofsinhar, l-Onor. Segretarju Parlamentari spjega li l-Gvern wasal għal dan il-pass wara li fl-aħħar xhur saret analiżi bir-reqqa tal-mod li bih kienu qegħdin jiġu ikkreati s-sodod għal anzjani li jkunu jeħtieġu kura fit-tul. Qal li waqt li fl-aħħar snin inħolqu mal-160 sodda fis-sena, l-analiżi wriet il-ħtieġa ta’ madwar 300 sodda fis-sena biex nilqgħu għat-talba li teżisti.
Dr Mercieca qal li l-Espressjoni ta’ Interess mhi marbuta ma ebda terminu ta’ żmien u għandha l-għan li sservi biex jitfassal pjan ta’ ħolqien ta’ sodod għal ħames snin li ġejjien bil-għan li Gvern jevita sitwazzjonijiet ta’ kriżi fit-tmexxija hekk kif seħħ fil-passat.
Waqt li sostna li huma bosta li qegħdin juru interess f’din is-sejħa, l-Onor. Mercieca qal lis-settur privat għandu sal-20 ta’ Awwissu biex jressaq proposti u soluzzjonijiet differenti għal faċilitajiet ta’ kura fit-tul għall-anzjani. Huwa semma li kienu bosta li ressqu l-proposti tagħhom kemm biex jikkrejaw faċilità purament ta’ Public Private Partnership, kemm biex tinbena dar tal-anzjani fuq art tal-Gvern u anke lukandi li jridu jiġu kkonvertiti f’djar għall-anzjani. Żied jgħid li wara analiżi ta’ dawn il-proposti, il-Gvern se jkun qiegħed jagħżel l-aqwa għall-pazjent, bl-aħjar prezzijiet u fl-iqsar żmien possibbli.
“Dan hu mod ċar ta’ kif il-Gvern qiegħed juri allaċċjament mas-settur privat”, qal l-Onor. Segretarju Parlamentari waqt li sostna li l-Gvern qed isejjaħ għal offerti kemm minn dawk li diġà għandhom sodod li huma vojta u jridu jagħtuhom għall-PPP u kemm għal dawk li bnew jew jinsabu fil-proċess li jibnu djar ġodda għall-anzjani.
Huwa sostna li dan il-Gvern mhux se jagħmel l-izball li sar mill-amministrazzjoni preċedenti fejn minħabba nuqqas ta’ tmexxija, għexieren ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei u Karin Grech spiċċaw imblokkati minn pazjenti li jeħtieġu kura fit-tul. Huwa semma wkoll sitwazzjoni anomala li nħolqot fl-aħħar snin wara li nxtraw sodod mingħand djar tal-anzjani li kienu totalment tal-privat bil-konsegwenza li fl-istess kamra irriżultat sitwazzjoni fejn anzjani jħallsu kollox minn buthom u oħrajn li qed jiġu ffinanzjati mill-Gvern bl-iskema tal-PPP.
L-Onor. Segretarju Parlamentari saħaq li jekk nipprovdu mal-200 sodda fis-sena għall-kura fit-tul tal-anzjani mhux biss se nkunu qegħdin nilliberaw bosta sodod li jinsabu imblokkati fl-Isptar Mater Dei u Karin Grech, iżda t-tax payers se jkunu qegħdin jiffrankaw mas-€6 miljun fis-sena. Dan għall-fatt li waqt li sodda f’Mater Dei tiswa €200 kuljum għal kull pazjent u €140 kuljum fl-Isptar Karin Grech, sodda mill-privat tiswa bejn €25 u €35 kuljum.
Matul din il-konferenza stampa, l-Onor. Mercieca irrefera wkoll għall-bidla fil-metodu ta’ kif jiġu analizzati l-pazjenti li jidħlu għall-kura fit-tul. Qal li dak li kien magħruf bħala Admission Board m’għadux jiffunzjona u qed jitħaddem metodu differenti permezz ta’ Multi-Disciplinary Team ibbażat fl-Isptar Karin Grech. QaIs-Segretarju Parlamentari qal, li dan il-Multi-Disciplinary Team qiegħed isejjaħ għall-pazjenti, li japplikaw, u janalizzahom billi jagħmlilhom assessjar multi-dixxiplinarju fejn jiġu analizzati l-bżonnijiet tal-pazjent.
Other Press Releases:
PR262031
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ Il-Ministru C...
PR262030