STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA
Dan il-Gvern joħroġ il-verità u mhux jaħbiha. Jaħbi l-verità min qal li l-istudji li saru huma irrelevanti u li ma kellhomx isiru
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima jgħid li dan il-Gvern qatt ma ddejjaq joħroġ il-verità u li kieku ried jaħbi xi verità ma kienux jiġu kkumissjonati sensiela ta’ studji dwar il-WasteServ u anke dwar kif żviluppa l-Family Park.
Il-Ministeru jgħid li jaħbi l-verità min iħoss li dawn l-istudji huma rrevelanti u li ma kellhomx isiru. Kif għamel kelliem tal-Oppożizzjoni meta sa mill-bidu nett ipprova jirredikola d-deċiżjoni ta’ dan il-Gvern li jinkariga Review Team sabiex jgħarbel l-aspetti ta’ saħħa ambjentali u l-kwalità tal-arja fl-inħawi tal-Impjant ta’ Sant Antnin. F’dan l-istadju l-akbar żball li wieħed jista’ jagħmel huwa li jkejjel b’xibru u jipprova jattakka lill-ħaddieħor biex jgħatti xturu.
Il-Ministeru jtenni mill-ġdid li kieku ma kienx għaż-żewġ rapporti kkummissjonati mill-Gvern kieku din il-problema u nuqqasijiet oħra kbar fejn tidħol saħħa u sigurtà fil-WasteServ u fl-Impjant ta’ Sant Antnin, kienu jibqgħu mistura u ma jsir xejn dwarhom.
Dan il-Gvern malli ngħata f’idejh ir-rapport uffiċjali beda jagħmel dak li amministrazzjoni preċedenti baqgħet qatt ma għamlet minn kemm ilha mwaqqfa l-WasteServ.
Gvern li ngħata parir biex jieħu pass preventiv
Il-Ministeru jtenni mill-ġdid li għalkemm ma hemm ebda periklu jew riskju imminenti għall-ħaddiema kkonċernati jew għal dawk li kienu jżuru l-Family Park, xorta waħda ttieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq il-park għas-sempliċi raġuni li l-Gvern kellu parir mir-Review Team biex dan jingħalaq temporanjament.
Minkejja li fl-ebda stadju ma kien hemm rapporti li l-emissjonijiet fl-arja mill-kubrit, kkawżati mill-flares dovuti għall-ħsara fil-Hydrolysis Tank, setgħu resqu qrib il-limitu tal-emissjonijiet permessi mill-Unjoni Ewropeja, dan il-Gvern xorta ħass li ma għandux jilgħab mas-saħħa tan-nies anke meta kellu biss parir biex jieħu pass purament preventiv.
Jekk xi darba l-livelli ta’ kubrit fl-arja kellhom jilħqu xi livelli għola minn dawk permessi mill-Unjoni Ewropeja, filwaqt li l-viżitaturi tal-park m’għandhom ebda mezz kif ikejlu tniġġiż simili fl-arja, l-ħaddiema fl-impjant ta’ Sant Antnin għandhom għadd ta’ gas detectors li jaħdmu real time u li huma attrezzati biex jidentifikaw emissjonijiet simili jekk xi darba jseħħu. Għalhekk il-Gvern ħass li għandu jingħalaq temporanjament il-Family Park u mhux il-kas li hemm xi periklu imminenti għall-ħaddiema.
Huwa tal-mistħija u ta’ għajb li hemm min qed jipprova jagħmel impatt politiku billi jallarma lin-nies fil-vojt flok ma jappoġġja miżuri ta’ prekawzjoni.
Li l-ħsara fil-Hydrolysis Tank żviluppat minn Mejju mhuwiex xi sigriet iżda hija xi ħaġa magħrufa anke minn nies li kienu jmexxu l-WasteServ qabel u li nħatru fi żmien l-Onorevoli George Pullicino.
Gvern li joffri serħan il-moħħ
Qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex it-tank jissewwa u se jittieħed iż-żmien kollu meħtieġ biex isir xogħol sew.
Il-pubbliku jista’ jserraħ rasu li l-Gvern diġa huwa impenjat li kif wiegħed fil-Manifest Elettorali tieġħu jsaħħaħ il-ħarsien tal-kwalità tal-arja fil-ġżejjer Maltin.
Speċjalment fejn hemm impjant li ġie mfassal u mħaddem b’mod difettuż, mingħajr l-għaqal u l-bżulija li wieħed kien jistenna fiż-żminijiet moderni tal-lum.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029