PROĠETT IEĦOR LI WAQA’ LURA SE JITLESTA SAL-AĦĦAR TAS-SENA
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura dalgħodu żar proġett ieħor li kien ilu mwiegħed għal għadd ta’ snin minn amministrazzjoni preċedenti u sal-lum, mhux talli kien għadu ma tlestiex, talli x-xogħol fuqu waqa’ lura.
Il-Ministru Joe Mizzi żar ix-xogħol fuq proġett ta’ rikreazzjoni għall-familja kollha fl-Imtarfa, proġett mifrux fuq medda ta’ 2,293 metru kwadru.
Huwa fakkar li dan il-proġett kien tħabbar li se jinbena mill-ġdid f’Diċembru tal-2011, mill-eks-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Chris Said, waqt konferenza tal-aħbarijiet, fejn intqal li se jkun post ta’ rikreazzjoni immirat għall-familji b’aktar sigurtà u serħan il-moħħ. Sal-lum, mhux biss għadu ma tlestiex iżda għadu kollox konkos.
Il-Ministru qal li Gvern ġdid huwa Gvern li jaħdem u għalhekk ħa passi mill-ewwel u ta spinta f’dan is-sit biex kemm jista’ jkun malajr, ikun jista’ jingħata lura lir-residenti għat-tgawdija tal-familji tagħhom.
Il-Ministru qal li huwa ppjanat li l-proġett jitleta lejn l-aħħar ta’ din is-sena jew bidu tas-sena d-dieħla u rringrazzja lill-ħaddiema li qed jaħdmu bla heda biex ix-xogħol jerġa’ jaqbad rittmu tajjeb.
Il-proġett jikkonsisti fi spazji għal-logħob tat-tfal, funtana fiċ-ċentru, kjosk imdawwar b’imwejjed u siġġijiet fejn in-nies se jkunu jistgħu jieklu u jixorbu, roqgħa bil-ħamrija fejn hemm is-siġar taż-żebbuġ b’gazebo u bankijiet taħt is-siġar, kif ukoll faċilitajiet sanitarji.
Parti mill-ilma għat-tisqija tal-ġnien se jinġieb minn żewġt iġwiebi eżistenti fit-tarf tal-ġnien li tnaddfu apposta u li se jaħżnu l-ilma tax-xita mit-toroq ta’ madwar il-ġnien.
Dan l-ispazju rikreattiv se jkun aċċessibli għal persuni b’diżabilità u se jkun mgħammar b’CCTV 24 siegħa.
Is-Sindku tal-Imtarfa, Daniel Attard, li kien preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet qal li dan il-proġett kien ilu mwiegħed sa minn meta kien għadu tifel.
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar ukoll li l-ġimgħa d-dieħla se jasal il-materjal biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol immedjatament fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Kalkara u l-ġimgħa li għaddiet, inħareġ tender biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol fuq iz-zuntier tal-Kalkara madwar xahrejn oħra, filwaqt li bħalissa diġà għaddej xogħol fuq il-balavostri.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet, attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej u għall-Presidenza UE 2017, Ian Borg.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029