EŻERĊIZZJU TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR L-ATT DWAR IN-NEGOZJU TAL-FAMILJA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona nieda ezerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Att dwar in-Negozju tal-Familja. Fil-prezenza ta’ numru ta’ stakeholders minn setturi varji, Dr Chris Cardona appella lil pubbliku biex jipparteċipa f’dan l-ezerċizzju li għandu jwassal biex pajjiżna jkunu pijunir fl-Unjoni Ewropea billi jkun ta’ l-ewwel li jdaħħal liġi speċifika dwar in-negozju tal-familja.
“Il-ħidma fuq din il-liġi bdiet sa mill-bidu ta’ din il-leġizlatura. Dan qed nagħmluħ għaliex ninsabu konvinti mill-effett pozittiv li se tħalli din il-liġi fuq l-intrapriża lokali kif ukoll għaliex bħala Gvern irridu nibgħatu l-messaġġ li issa li ingħatjna l-mandatt se nkunu qed naġixxu bħala Gvern favur in-negozju, Gvern li jħalli n-negozju jaħdem, Gvern li jagħraf ir-rwol tiegħu bħala regolatur u faċilitatur, li jagħti direzzjoni ekonomika ċara”, sostna l-Ministru Cardona.
Dr. Chris Cardona qal li l-Att dwar in-Negozju tal-Familja għandu jkun għodda effettiva li tkompli tgħin dawn it-tip ta’ intrapriżi, li f’Malta jammontaw għal madwar 75% tan-negozji, biex ikomplu jiksbu suċċess, kemm għalihom, kemm għal madwar 40,000 persuna li jimpjegaw u għal ekonomija Maltija.
“Dawn it-tip ta-negozji ħaqqhom dan it-tip ta’ impenn mill-Gvern għaliex b’konvinzjoni ngħid li kellhom rwoll ċentrali biex pajjiżna baqa għaddej quddiem l-isfidi internazzjonali, li ġabu ghal kupptejhom numru ta’ pajjiżi ġirien tagħna. Is-sens ta’ kburija li jeżisti f’dawn in-negozji, r-resiljenza u l-għaqal li għandhom wasluhom biex diċenju wara diċenju baqu għaddejjin” qal il-Ministru Cardona.
Il-Gvern b’din il-liġi jrid jiffaċilita u jinċentiva t-trasferiment ta’ negozju bejn membri tal-familja biex l-ezistenza tagħhom tkun issalvagwardjata, fl-interess tagħhom u tal-ekonomija nġenerali.
Matul il-konferenza kien spjegat kif il-pubbliku jista’ jipparteċipa permezz ta’ formola on-line fuq is-sit tal-ministeru www.economy.gov.mt. Sadanitant il-fuq minn 40 stakeholder li jvarjaw minn rapprezentanti tan-negozji, kumpaniji ta’ awdituri, dipartimenti tal-Gvern, fakultajiet fl-Universita kif ukoll ministeri u għaqdiet mhux governattivi rċievew ittra mibgħuta mill-Ministru biex ikunu parteċipi f’dan il-proċess. Aktar tard umbat la darba jkun imfassal l-abbozz ta’ liġi se jkunu organizzati djalogi pubbliċi, biex b’mod simili għal dak li jiġri fid-diskussjonijiet parlametari, issir spjegazzjoni u jkunu ċċarati numru ta’ punti.
Il-Ministru Chris Cardona qal li l-ħidma fuq din il-liġi mhijiex l-unika sinjal b’saħħtu li qed jibgħat il-Gvern favur in-negozju f’pajjizna. “Sa mill-bidu, l-Gvern beda jibagħat sinjali pozittivi tal-potenzjal li joffri pajjiżna, fejn diġa qed naraw sinjali ta’ tkabbir ekonomiku pozittiv. Il-Ħidma għaddejja b’ritmu tajjeb u ninsabu impenjati kif ukoll entuzjasti li nżommu dan ir-ritmu għaliex nemmnu li fadal ħafna xi jsir” saħaq jgħid il-ministru Chris Cardona.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029