STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Il-Gvern jinnota l-istqarrija tal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn qed jipprova jiġġustifika d-deportazzjoni ta' 223 persuna mill-Eritrea, li skont rapporti nternazzjonali spiċċaw torturati f'pajjiżhom.
Għandu raġun jgħid li ż-żewġ każijiet huma differenti. Fil-każ tal-Eritrej, dawn intbagħtu għat-tortura f'pajjiżhom. Fil-każ ta' din il-ġimgħa, l-Gvern ma kien qed jeskludi xejn sabiex ipoġġi din l-issue fuq l-aġenda Ewropea wara snin ta' politika falluta.
Dwar il-każ tal-Eritrej, tajjeb wieħed jinnota wkoll li wieħed mill-ministri responsabbli tal-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista, illum huwa Kummissarju Ewropew. Dan il-każ qatt ma ntuża mill-partit li llum jinsab fil-Gvern, fin-nomina ta' Tonio Borg bħala Kummissarju Ewropew, anki jekk kien hemm imkejjen li kienu qed iqajjmu l-każ.
Bil-maqlub illum l-Oppożizzjoni qed tagħmel minn kollox biex tostakola lill-Gvern milli jagħmel xogħlu b'mod effettiv biex il-kwistjoni tal-immigrazzjoni tibda tittieħed bis-serjeta` fil-fora kollha li hemm bżonn, billi saħansitra tipprova tħammeġ lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew.
Il-Gvern jibqa resolut li joffri soluzzjonijiet u ma jibqax passiv bħalma kienu l-amministrazzjonijiet preċedenti dwar l-immigrazzjoni.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029