IPPUBLIKAT IL-PROSPECTUS IL-ĠDID TAL-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI
Għall-ewwel darba se jkun offrut kors ġdid f’livell ta’ Diploma fl-eBusiness for Tourism flimkien ma’ Foundation Course f’Turiżmu u Intrapriża.
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi għadu kemm ippubblika l-prospectus il-ġdid għall-korsijiet full time għas-sena skolastika li jmiss 2013/2014.
Il-korsijiet qed ikunu offruti fuq livelli ta’ foundation, certificate, diploma u higher national diploma u jkopru firxa wiesa’ ta’ oqsma fis-settur turistiku fosthom fit-tħejjija tal-ikel u l-arti kulinarja, tmexxija fil-lukandi, bars u ristoranti, hospitality management, events management, turiżmu sportiv, u taħriġ għal min jixtieq jieħu karriera bħala gwida mat-turisti.
Konxju mill-avvanzi teknoloġiċi li kulma jmur qed jiddominaw is-settur turistiku u l-bidla fil-mod ta’ kif it-turist sar iħares lejn l-ivvjaġġar u l-esperjenza turistika, għall-ewwel darba l-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed joffri Higher National Diploma fl-eBusiness for Tourism.
Din id-diploma hija maħsuba biex tagħti lill-istudent il-ħiliet meħtieġa biex it-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni, komunikazzjoni u management jintużaw bl-aħjar mod f’industrija fejn il-klijent għandu għażla ma tispiċċa qatt u fejn il-kumdità u l-kwalità saru prijorità.
Dan il-kors joffri mhux biss tagħlim fil-perspettiva teknoloġika u dik maniġerjali, imma anke prattika fl-użu ta’ wħud mill-aqwa teknoloġiji fosthom il-ħolqien ta’ websajts, il-multimedia, sfruttar tal-qawwa tas-social media bħal Facebook, Twitter u You Tube, l-użu ta’ software li jgħin lill-intrapriża tkun effiċjenti, u kif tisgura li operatur fil-qasam turistiku juża l-aħjar għodod teknoloġiċi li hemm disponibbli fis-suq biex il-prodott tiegħu jibqa’ aġġornat u kompetittiv.
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi għamel ukoll bidliet essenzjali fil-foundation course li kien jiġi offrut għal dawk li jkunu temmew il-ħames sena tas-sekondarja u li minkejja li ma jkunux kisbu ċertifikati f’livell ordinarju, jkollhom ċertifikat li temmew l-iskola sekondarja. Infatti, għall-ewwel darba din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ l-ETC, l-ITS qed joffri Foundation Course fit-Turiżmu u l-Intrapriża.
Mifrux fuq tliet snin u b’livell ta’ MQF 3, dan il-kors se joffri lill-istudenti l-ħiliet neċessarji li għandhom iwasslu biex dawn jiftħu n-negozju tagħhom fis-settur turistiku, fl-istess ħin li jipprepara lill-istudenti għal korsijijet oħra li jkunu interessati jesploraw fil-futur.
Dan il-kors mistenni jieħu post il-foundation course li l-ITS kien joffri sa issa għal dawk li jtemmu s-sekondarja mingħajr ċertifikati f’livell ordinarju.
Kopji tal-prospectus bid-dettalji kollha tal-korsijiet li qed jiġu offruti flimkien mal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tar-Reġistratur tal-ITS Triq il-Bajja ta’San Ġorġ San Ġiljan, mill-Job Centres tal-ETC f’Malta u Għawdex jew inkella jistgħu jitniżżlu direttament mis-sit elettroniku www.its.edu.mt.
L-Applikazzjonijiet huma miftuħa u jibqgħu jintlaqgħu sal-Ġimgħa 26 ta’ Lulju f’12.00 P.M.
Ma’ kull applikazzjoni jridu jkunu sottomessi kopji taċ-ċertifikati kollha mitluba jew kopja tar-riżultat flimkien ma’ kopja tal-karta tal-identità.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029