REBBIEĦA TAL-KUNSILLI LOKALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Birżebbuġa, Raħal Ġdid u ż-Żebbuġ huma r-rebbieħa tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ. Dan tħabbar waqt ċerimonja li saret fl-uffiċċju tal-Aġenzija Żgħażagħ ilbieraħ.
F’kelmtejn li għamel is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Stefan Buontempo, qal li dan il-proġett qed iservi ta’ mekkaniżmu biex anke fl-ibliet u l-irħula tagħna jitwassal messaġġ favur l-innovazzjoni, anke jekk b’mod indirett. Dan il-proġett qed jistimula l-kreattività fiż-żgħażagħ, u għalhekk huwa d-dmir tagħna li ninkoraġġixxu inizjattivi bħal dawn.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo kompla jgħid li proġett bħal dan isaħħaħ il-proċess demokratiku billi ż-żgħażagħ ikunu mħeġġa jaħdmu bħala tim, jiddibattu u jirrispettaw l-opinjoni ta’ xulxin. Barra minn hekk, dan il-proġett qed iħarreġ liż-żgħażagħ f’oqsma bħal amministrazzjoni u t-tmexxija, li vitali fil-formazzjoni tal-karattru.
Il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ huwa programm ta’ empowerment għaż-żgħażagħ imtella’ minn Aġenzija Żgħażagħ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ(KNZ). Dan qed jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ billi jagħtihom l-għodod meħtiega biex jagħtu kontribut fil-komunità tagħhom, kif ukoll qed jagħtihom ħiliet ġodda permezz ta’ edukazzjoni mhux formali biex jużaw matul ħajjithom u fid-dinja tax-xogħol.
F’dan il-proġett ħadu sehem 22 Kunsill Lokali u madwar 250 parteċipant.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029