Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. ANĠLU FARRUGIA, SPEAKER TAL-KAMRA TAD-DEPUTATI FL-OKKAŻJONI TAL-INDIRIZZ LILL-KAMRA TAD-DEPUTATI MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR HERMAN VAN ROMPUY

pr1481
Date Icon 11/07/2013

Sur President

Eċċellenzi

Onorevoli Membri

Mistednin Distinti

Ninsabu miġbura llum f’din il-Kamra tar-rappreżentanti tal-poplu Malti bil-għan li nagħtuk merħba fostna, kif ukoll sabiex inroddulek ħajr talli għal darb’oħra, għoġbok iżżurna u tagħtina l-opportunità illi naqsmu xi ħsibijiet flimkien, bl-iskop li l-irwol u l-kontribut li qed jagħti pajjiżna fi ħdan l-Unjoni Ewropea jkun dejjem apprezzat u miftiehem.

Gżiritna hija żgħira fid-daqs, iżda kbira f’għemilha.  Il-poplu Malti huwa bieżel u ħawtiel, u minn dejjem ħabrek sabiex itejjeb il-qagħda soċjali tiegħu, għalih u għal dawk ta’ madwaru.  Minflok bkejna xortina għan-nuqqas ta’ riżorsi naturali li għandna, qawwejna qalbna u lqajna l-isfida biex naħdmu aktar u qatigħ.  Tassew konna ta’ eżempju tajjeb għal bosta.  Postna fl-Ewropa huwa bħal fanal li jdawwal il-madwar f’nofs il-Baħar Mediterran.

B’danakollu, huwa dan l-istess fanal, Sur President, illi qed iġegħelna nduqu wkoll l-imrar tat-traġedja umana li qed tifni l-pajjiżi tal-Afrika.  Aħna magħrufa bħala poplu ħanin li nilqgħu b’dirgħajna beraħ lil kull min jiġi fostna.  Iżda issa qed insibu rwieħna niffaċċjaw, tista’ tgħid waħedna, l-problema tal-immigrazzjoni irregolari lejn xtutna.

Dan il-fenomenu huwa problema tal-Ewropa kollha, mhux ta’ pajjiż wieħed biss.  Is-solidarjetà hija pilastru ewlieni li fuqu msejsa l-Unjoni Ewropea.  Madankollu, donnu li l-kelma ‘unjoni’ mhux dejjem tfisser l-istess għal kulħadd.  Meta ma tintweriex solidarjetà, jittellgħu l-barrikati bejn miljuni ta’ ċittadini Ewropej, u tibda tintilef il-fiduċja li dawn ikollhom fl-istituzzjonijiet li għalihom jappartjenu.

Malta uriet bil-fatti kif, permezz tal-pożizzjoni ġeografika tagħha u l-għożża li biha aħna l-Maltin nindukraw in-newtralità ta’ pajjiżna, kapaċi u nibqgħu disposti li ngħinu, kif għamilna, lil sħabna l-Libjani u popli oħrajn matul il-kriżi li laqtet lil Libja sentejn ilu.  Jiena stess donni kont qed nobsor x’jista’ jiġri fl-Eġittu meta, tlett xhur ilu, kont tkellimt dwar il-bżonn li nindirizzaw b’interventi diplomatiċi fuq livell parlamentari d-defiċit demokratiku li kien qed iberren minn taħt f’dak il-pajjiż qarib u ħabib tagħna.  Iż-żmien tana parir kemm m’għandniex indawru wiċċna n-naħa l-oħra quddiem il-problemi ta’ ħaddieħor. 

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li laqtet lid-dinja fl-aħħar snin ħarġet fid-deher il-ħtieġa li l-popli kollha jagħrfu jaħdmu flimkien u għall-ġid ta’ xulxin. 

Il-biki fil-familji, iż-żgħażagħ jitkarbu għax-xogħol, id-disperazzjoni ta’ min jixtieq, kif ngħidu bil-Malti, idawwar xelin: kull għawġ, kull għali li kien issiġġillat spiċċa jittajjar u xxerred mal-erbat irjieħ.

Fi Frar tas-sena l-oħra, Sur President, inti kont ħriġt bl-għajta li l-Ewropa hija damma ta’ kull politika domestika mħaddma mill-pajjiżi membri. “Europe is domestic policy.”  U hekk hu.  Bil-mewġ kontrina, għarafna iżda nissieltu meta ngħaqadna.  Hekk għadna nagħmlu f’dan il-qasam.  Hekk tkun is-solidarjetà fil-prattika.

Mill-banda l-oħra, jgħarralu min jaħseb li ġaladarba nibdew nikbru ekonomikament, inkunu lħaqna s-sema b’idejna.  Jekk ma nkunux aħna li niddettaw fejn irridu naslu, nistgħu nispiċċaw f’aktar għali.  Il-konsumiżmu sfrenat li miexja d-dinja bih illum għad iwassalna fi stat li l-istess għajxien tagħna jkun mhedded. 

Kien tassew laqat il-musmar fuq rasu wiehed mill-ifqar Presidenti dinjin, l-Urugwajan Pepe Mujica meta kien qed jitkellem sena ilu f’Konferenza fil-Brażil, fejn sostna li kieku l-biljuni li jgħixu f’pajjiżi bħall-Indja u ċ-Ċina kellhom jibdew jikkunsmaw bl-istess rata bla rażan tal-pajjiżi l-aktar żviluppati tal-Punent, li kieku d-dinja ma tibqax teżisti għaliex jispiċċaw f’tebqa t’għajn ir-riżorsi naturali, jiġi fix-xejn l-ossiġnu fl-arja, u jintemm dak kollu li dejjem qed innaqqru mill-ħolqien ta’ madwarna.

Sur President

L-istess President Mujica dakinhar kien temm id-diskors tiegħu b’din il-frażi:

Cuando luchamos por el medio ambiente, tenemos que recordar que el primer elemento del medio ambiente se llama ‘felicidad umana’.

Jiġifieri, meta nissieltu biex intejbu l-ambjent li fih ngħixu, għandna dejjem inżommu quddiem għajnejna li dan l-istess ambjent huwa msawwar madwar dak kollu li jagħmel il-bniedem ferħan.

Il-qofol ta’ dan il-messaġġ huwa l-bilanċ, il-bilanċ li għandu jinħoloq biex mhux niġru bla kontroll wara l-progress, wara t-tkabbir ekonomiku, u ninsew li l-bniedem għandu jkollu l-jedd jgħix il-ħajja kif għandu jgħixha.

Il-parlamenti nazzjonali għandhom rwol importanti f’din il-mixja li qed nagħmlu flimkien.  Ma nistgħux u m’għandniex nibqgħu lura. Għandna nieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jkunu qed jittieħdu fl-ogħla livell, speċjalment fuq dak Ewropew, biex b’hekk tkun imħarsa l-kontabilità demokratika.  It-Trattat ta’ Lisbona għalhekk huwa t-Trattat tal-parlamenti nazzjonali.  Malta, flimkien ma’ ħdax il-parlament Ewropew ieħor, urejna l-karta s-safra flimkien is-sena l-oħra meta ma ridniex li tgħaddi proposta tal-Kummissjoni.  Ma nistgħux naċċettaw li fl-interess tal-għaġġla, ma jkunx hemm jew ftit ikun hemm konsultazzjoni.

Dawn huma l-valuri soċjali, Sur President, li qegħdin nitkellmu dwarhom bħalissa f’dan il-Parlament.  Ir-rappreżentanti tal-poplu tagħna miġbura hawnhekk iridu li jroddu lura l-fiduċja li fdalhom l-elettorat b’ħidma sfieqa sabiex is-soċjetà Maltija tissejjes fis-sod u tissaħħaħ fis-siwi.  Aktar ma Malta tistagħna, aktar jinbena pajjiż qawwi u ġust mhux biss għalina llum, iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet li għad jiġu warajna.

Sur President, sħabi Onorevoli Membri, dan niksbuh biss billi b’fini waħda, b’għan komuni, b’sens ewlieni ta’ għarfien sħiħ, taħt it-tmexxija għaqlija u galbata tar-rappreżentanti tiegħu, naħdmu bħala poplu lkoll flimkien, u l-oħrajn għalenija magħna, biex ilkoll ngħinu ħalli nagħtu sura lil poplu wieħed, poplu Ewropew magħqud. 

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni, u issa nistiednek, Sur President, sabiex tagħmel l-indirizz tiegħek lil din il-Kamra.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

More Press Releases Right arrow