TWAQQIF TAL-BONE DENSITY UNIT FL-ISPTAR ĠENERALI TA’ GĦAWDEX B’FONDI EWROPEJ GĦALL-ĠID TAL-GĦAWDXIN U L-MALTIN
Kif espress fil-Manifest Elettorali għal din il-leġislatura, il-Gvern huwa impenjat fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġija li permezz tagħha jsir ristrutturar intensiv u mmodernizzar estensiv fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. It-twaqqif tal-Bone Density Unit f’dan l-isptar ewlieni f’Għawdex jimmarka żvilupp importanti fil-qasam tas-saħħa fil-gżira Għawdxija. Din it-taqsima ġdida tagħmel parti minn proġett aktar wiesa’, li permezz tiegħu twaqqaf ukoll Dipartiment ġdid tar-Radjoloġija flimkien mas-Swali ġodda tal-Operazzjonijiet, b’investiment totali li jlaħħaq madwar €4 miljuni. Dan l-investiment sar b’ko-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-Progett ERDF 068 intitolat “Upgrading of Operating Theatre and Setting up of a Radiology Unit”.
L-inawgurazzjoni tal-Bone Density Unit, u l-bidu ta’ dan is-servizz ġdid, qed iżid u jtejjeb il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa li jingħataw fil-gżira Għawdxija. Dan juri l-impenn ta’ dan il-Gvern fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex bil-għan li fejn hu possibbli joffri aktar servizzi ta’ kwalità lir-residenti Għawdxin. Xhieda ta’ dan huwa dan is-servizz ġdid li qed inaqqas l-inkonvenjent u l-iskariġġ għall-pazjenti Għawdxin li sa’ llum ikollhom imorru Malta. Aktar minn hekk, bis-saħħa ta’ dan is-servizz ġdid se jkun possibbli wkoll li Għawdex jgħin lil Malta biex titnaqqas mill-pressjoni tal-waiting lists fuq l-Isptar Mater Dei. Minbarra li huwa proġett ieħor li jkompli jżid il-benefiċċji ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea għal Għawdex, il-proġett ta’ Bone Density Unit huwa wkoll xiehda tal-impenn kontinwu tal-Gvern lejn is-sistema ta’ saħħa b’xejn għal Maltin u Għawdxin. Dan il-proġett kien propost fid-dawl tal-istrateġija nazzjonali 2007 – 2013 li tindirizza l-aċċessibilità għas-servizzi tas-saħħa, biex fost l-oħrajn tiġi mtejba l-kwalità tal-ħajja fil-gżira ta’ Għawdex, ikompli jitjieb is-servizz, titjieb il-kwalità tal-ħajja billi tonqos it-tbatija għal-pazjent, u jsir użu aħjar tar-riżorsi.
Ix-xogħol fuq il-bone density unit beda matul is-sena li għaddiet u kemm ix-xogħol u wkoll l-installar tal-apparat ġie finalizzat f’dawn l-aħħar tlett xhur. Il-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia ħabbar ukoll li dan il-Bone Density Unit fil-futur huwa maħsub li jintuża wkoll għal screening tal-osteoporosi, wegħda oħra li tinsab fil-manifest elettorali. Meta kien qed ikellem lill-mezzi tax-xandir, il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex għall-appoġġ f’dan il-proġett, lill-health care professionals tal-Isptar Generali t’Għawdex u wkoll lil dawk kollha nvoluti biex dan il-proġett seta’ jseħħ. L-artist Vince Caruana wkoll ta l-kontribut tiegħu għat-tisbiħ ta’ dan il-Unit.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029