DISKORS MILL-ONOR GEORGE VELLA, MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN, WAQT L-GĦOTI TA’ FINANZJAMENT GĦALL-PROĠETTI F’PAJJIŻI MHUX ŻVILUPPATI, FIL-PREŻENZA TA’ FRANCIS ZAMMIT DIMECH MP, U MINISTRU PREĊEDENTI TAL-AFFARIJIET BARRANIN – IL-BELT VALLETTA
Sinjuri,
Qegħdin hawn fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għall-preżentazzjoni ta’ għotjiet finanzjarji lill-numru ta’ Għaqdiet Volontarji mhux Governattivi, u anke lill-persuni indipendenti biex jimplimentaw numru mhux ħażin ta’ proġetti biex jgħinu u jgħollu l-livell tal-għixien liċ-ċittadini f’pajjiż differenti li huma ferm inqas ixxurtjati minna.
Bħal ma tafu permezz ta’ din l-iskema t’għajnuna finanzjarja magħrufa bħala ODA jew ‘Overseas Development Aid’ kull sena jitwettqu proġetti ta’ fejda biex innaqqsu l-faqar, nipprovdu kura għas-saħħa u ngħollu l-edukazzjoni f’komunitajiet ta’ pajjiżi mhux żviluppati. Dan il-għan hu marbut mal-ftehim li pajjiżi żviluppati leħqu fi ħdan il-Ġnus Maqgħuda fis-sena 2000 biex jikkontribwixxu b’mod sostenibbli biex jinqered il-faqar, jitjiebu s-saħħa u l-edukazzjoni f’pajjiżi li għal raġuni jew oħra ma rnexxielhomx igawdu mill-progress ekonomiku dinji.
L-għotjiet finanzjarji tal-lum huma parti żgħira mill-għajnuna li Malta tagħti bħala parti mill-Assitenza għall-Iżvilupp barra l-pajjiż. Malta tipprovdi ukoll għajnuna umanitarja bilaterali lil pajjiżi li jkunu milqutin b’disgrazzji naturali bħalma huma nixfa mix-xita jew għargħar jew bi inkwiet intern bħalma qed jigri fil-Mali[1] u fis-Sirja[2]. Malta tagħti kontribuzzonijiet lill-istituzzjonijiet internazzjonali fosthom dawk tal-Ġnus Maqgħuda għal skopijiet umanitarji u ambjentali. Kellna programm ta’ tlett snin li sewa mad-900,000 Ewro biex ngħinu pajjiżi jegħlbu d-diffikultajiet li qed jinħolqu mit-tniġġis tal-arja u l-ambjent. Aħna nagħtu sehemna wkoll lill-Unjoni Ewropea fil-program t’għajnuna għall-iżvilupp umanitarju, ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi inqas ixxurtjati minna.
Għal darboħra l-Gvern Malti ħaseb biex joffri finanzjament parzjali lill-membri tas-soċjetà ċivili biex iwettqu l-proġetti ta’ fejda f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Tajjeb li wieħed isemmi li parti sostanzjali tal-fondi allokati għal din s-sena sar mill-Ministru preċedenti (l-Onor Francis Żammit Dimech) waqt preżentazzjoni simili li saret fi Frar li għadda. Dan ifisser li numru konsiderevoli ta’ benefiċjarji diġà ħadu sehemhom u bdew l-impenji tagħhom. Illum qed inniedu t-tieni parti ta’ dan il-programm. Għaldaqstant kien xieraq li l-Onor Żammit Dimech kien mistiden biex ikun preżenti ukoll għall din il-preżentazzjoni.
Għal din is-sena għandna lista oħra ta’ proġetti daqstant ieħor fejjieda u nobbli ma’ bnedmin bħalna li sfortunatament jgħixu ħajja li lanqas tista’ titqabbel bl-ebda mod ma’ kif ngħixu aħna. Aħna rridu li lil dawn in-nies ngħinuhom biex jintrefaw bil-mod il-mod mill-qagħda diffiċli tagħhom u jibdew jgħixu ħajja ftit aktar diċenti.
Qabel nagħlaq nixtieq nagħmel appell lill-persuni indipendenti li jgawdu minn dawn l-għotjiet finanzjarji governattivi, li minn din is-sena jagħmlu ħilithom biex jissieħbu f’għaqdiet volontarji ħalli nassiguraw li jkollna aktar trasparenza u kontabilità aħjar tal-fondi li bħalma tafu joħorġu mit-taxxi tal-poplu.
Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u nawgurawlkom suċċess fit-twettiq tal-proġetti tagħkom.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029
pr1427a.pdf