Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LEO BRINCAT, MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA, WAQT IT-TNEDIJA TA’ DOKUMENT PRELIMINARI GĦALL-KONSULTAZZJONI BI PREPARAZZJONI GĦAT-TFASSIL TAL-PJAN NAZZJONALI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART

pr1399
Date Icon 01/07/2013

Eżempju ħaj ta’ Gvern li jisma’ qabel ma jwettaq – Il-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar il-Pjan Nazzjonali dwar l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart

Bħala Gvern li mill-ewwel jiem tiegħu ta xhieda li huwa Gvern li lest li jisma’ qabel ma jgħaddi biex iwettaq, illum għandkom quddiemkom eżempju ħaj ta’ dan, il-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa dwar il-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Iskart.

Aħna stajna kkonsultajna lill-pubbliku biss meta x-xogħol kien diġà jinsab avvanzat jew riesaq lejn it-tmiem tal-abbozz tagħna. Minflok iżda għażilna li naħdmu mod ieħor.

Li qabel nibdew infasslu l-Pjan Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart, li għandu jeħodna mis-sena d-dieħla sas-sena 2020, ħassejna li kellna nħejju dokument preliminari għall-konsultazzjoni li jiġbor fi ħdanu bosta elementi, li lkoll huma maħsuba biex jilħqu żewġ għanijiet:

(a)          Li jistimulaw diskussjoni wiesgħa u mifruxa dwar dan il-qasam strateġiku u

(b)  Li b’dan il-mod aħna bħala Gvern nisimgħu mingħand il-pubbliku u l-istakeholders kollha sa mill-bidu nett.

F’dan l-istadju ħassejna li ma jkunx la xieraq, la opportun u lanqas ġust li nagħmlu proposti konkreti qabel niżnu l-fhemiet tagħkom.

Intom min intom, korpi kostitwiti, għaqdiet ambjentali, kunsilli lokali, operaturi u assoċjazzjonijiet fis-settur privat, inkluż kolletturi tal-iskart u waste brokers, trade unions u anke s-soċjetà ċivili nnifisha.

Sabiex nilħqu dan il-għan sejrin inniedu wkoll strateġija ta’ komunikazzjoni fejn ħadd ma jista’ jħoss ruħu eskluż milli jagħti kontribut, sehem u anke ideat dwar dan il-Pjan. Wara kollox kull wieħed u waħda minna jiġġenera l-iskart.

Għalhekk l-aġir tagħna għandu sehem importanti biex jitjieb l-immaniġġjar tal-iskart.

Għalkemm aħna ma niddejqu xejn li nerfgħu r-responsabilitajiet amministrattivi u eżekuttivi tagħna, aħna rridu li dan il-Pjan aktar milli jkun wieħed tal-Gvern, ikun Pjan tan-Nies li sar bis-sehem ta’ kullħadd.

Konsultazzjoni simili ma tistax tilħaq l-għanijiet tagħha jekk aħna, anke f’dan l-istadju bikri, nżommu lura milli f’dan id-dokument nidentifikaw ħames aspetti importanti ħafna:

(1) L-għanijiet ta’ din l-Issues Paper għall-Immaniġġjar tal-Iskart b’mod sostenibbli
(2) Fejn aħna obbligati li naslu
(3) Sa fejn wasalna illum bħala pajjiż
(4) X’jidhrilna li huma l-Issues ewlenin
(5) X’inhuma l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi li għandna nindirizzaw flimkien

Li nixtiequ nkunu nafu minn għand in-nies huma l-kummenti ġenerali tagħhom dwar din l-Issues Paper.

Jekk għandhomx kummenti dwar l-issues identifikati fid-dokument innifsu.

Jekk fil-fhema tan-nies kienx hemm xi issue partikulari li ma ġietx identifikata f’dan id-dokument.

Kif fil-fhema tan-nies nistgħu nkabbru s-sehem taċ-ċittadin innifsu, kif ukoll tas-settur privat u anke ta’ dawk li qegħdin imexxu fuq livell ta’ komunità u Gvern Lokali.

Ninsabu aktar u aktar konfortati mill-fatt li l-istess Kummissjoni Ewropeja madwar sena ilu, fasslet linji gwida tekniċi dwar kif Waste Management Plan bħal dan għandu jitfassal.

Nagħmilha ċara li l-Waste Framework Directive tal-Unjoni Ewropeja ma tisħaqx dwar l-istrateġija li għandha tiġi adottata, iżda aktar dwar il-programmi u pjani tal-Gvernijiet tal-Istati Membri nfushom.

Il-ħsieb tagħna iżda huwa li l-Pjan innifsu jkun mhux biss jiġbor fi ħdanu din l-istrateġija b’mod ħolistiku iżda wkoll jinkludi fih id-direzzjoni li għandna nieħdu, kif ukoll għadd ta’ miżuri orizzontali meħtieġa biex iwasslu għall-implimentazzjoni tal-Pjan innifsu.

Dan flimkien ma’ dak kollu li hemm fil-proċess eżistenti tal-immaniġġjar tal-iskart, li fil-fehma ta’ ħafna hemm bżonn li jissaħħaħ jew anke jinbidel.

Tiddejqu xejn tħarsu, kif bi ħsiebna nagħmlu aħna wkoll, lejn esperjenzi pożittivi u prattiċi li taw frott f’pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropeja. Aktar milli nivvintaw ir-rota mill-ġdid, m’għandniex naħsbuha darbtejn li nieħdu minn u nitgħallmu mit-tajjeb ta’ ħaddieħor.

Huwa biss billi nadottaw best pratices ta’ ħaddieħor li nistgħu ninqalgħu mill-qiegħ li ninsabu fih illum u nagħmlu sforz kollettiv biex nitilgħu aktar ‘il fuq u eqreb lejn l-istandards mistennija minna, bħala pajjiż li s-sena d-dieħla nagħlqu 10 snin fl-Unjoni Ewropeja.

Għalkemm il-Ministeru tagħna qiegħed u sejjer jikkordina din il-ħidma, aħna qegħdin naraw li l-entitajiet kollha meħtieġa għandhom ikunu rappreżentati, kif fil-fatt huma, fit-tim tekniku li diġà għamel ħafna xogħol siewi ta’ tħejjija.

Bħala Chairperson hemm il-Perit Kevin Gatt. Il-Project Management huwa f’idejn is-Sinjorina Michelle Borg, Chief Officer Strategy fil-Ministeru.

Fl-istess waqt fit-tim tekniku għandna ukoll sehem u rappreżentanza minn naħa tal-MEPA, mill-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma, mill-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll ser ikollna koordinatur għas-SEA – Strategic Environment Assessment.

It-tir tagħna huwa li dan l-eżercizzju jkun finalizzat sa qabel l-aħħar tas-sena biex il-Pjan jasal għand il-Kummissjoni Ewropeja lejn mhux aktar tard minn nofs Diċembru.

Nieħu din l-opportunità biex minn hawnhekk inrodd ħajr lil dawk kollha li diġà ħadmu fuq livell tekniku fuq dan l-eżerċizzju, kif ukoll lil dawk kollha – inklużi membri tal-pubbliku – li se jkunu qegħdin jibgħatu s-sottomissjonijiet tagħhom bil-miktub fuq l-indirizz elettroniku sustainablewaste.environment@gov.mt , kif qed jiġu mistednin jagħmlu fid-dokument innifsu.

pr1399a.pdfpr1399a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Is-saħħa mentali u l-benesseri fil-qalba tal-edukazzjoni – Il-Ministru Byron Camilleri jindirizza l-konferenza nazzjonali EduVoices 2026

PR262030

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA   Fi tmiem il-ġimgħa se jsiru l-pagamenti tal-iskemi tal-anomaliji għall-2026

PR262029

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA Fi tmiem il-ġ...

More Press Releases Right arrow