STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU TAL-INTERN B’RISPOSTA GĦALL-ISTQARRIJA TAL-PARTIT NAZZJONALISTA DWAR IS-SERVIZZI TAS-SIGURTÀ
Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jagħmel referenza għad-diskors tiegħu aktar kmieni llum fil-Parlament fejn ħareġ ċar li l-Ministru bl-ebda mod ma għażel jew b’xi mod influwenza l-għażla tal-persuni li isimhom ġie sottomess mill-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà.
Peress li ġiet segwita l-proċedura kif dejjem kien isir taħt amministrazzjoni nazzjonalista li l-Ministru responsabbli finalment japprova l-ingaġġ, il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà ħass illi jkun għaqli li l-istess Ministru jkun preżenti waqt li jsir l-iskrutinju finali ta’ dawn il-persuni mill-istess Kap.
Ikun tajjeb illi l-amministrazzjoni nazzjonalista tikkonferma jew tiċħad il-mod kif l-ismijiet tal-membri tas-Servizzi tas-Sigurtà kienu jigu imposti mill-involviment dirett tal-istess Ministri nazzjonalisti. Wieħed jista’ jinnota llum illi l-ingaġġ mhux handpicked mill-Ministru iżda realment mill-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà skond il-liġi. B’hekk qegħda tiġi segwita l-proċedura fl-Artikolu 5 tal-Att XVII tal-1996 ċioe’ l-Att dwar is-Servizzi tas-Sigurtà.
Dan il-Ministeru jidhirlu li l-għaqal u s-serjetà jitolbu li ġaladarba l-proċedura tirrikjedi l-approvazzjoni tal-Ministru bil-miktub lill-kap tas-Servizzi tas-Sigurtà dwar l-ismijiet illi hu jindika li jrid japponta, il-Ministru kellu jaċċetta li jkun preżenti meta l-istess kap iddeċieda li jagħmel interviews finali lil dawn il-persuni.
L-attentat fjakk tal-Partit Nazzjonalista fuq l-istess Ministeru juri biċ-ċar li l-istess partit għadhu ankrat bi stil u metodi ta’ kritika distruttiva li l-poplu Malti u Għawdxi rrifjuta bil-vot b’saħħtu tiegħu fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Minkejja dan, il-Ministeru hu determinat u kommess li jkompli jaħdem fl-aħjar interess tal-pajjiż.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029