IMNEDIJA JUMEJN TA’ ATTIVITAJIET BIT-TEMA ‘INĠEDDU TFULITNA’ MILL-KUNSILL LOKALI TA’ BIRŻEBBUĠA
Mal-40 bottegin ta’ artiġġjanat Malti se jkunu qed jesebixxu x-xogħlijiet tagħhom
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa nieda jumejn ta’ attivitajiet għall-familja kollha bit-tema ‘Inġeddu Tfulitna 2013’.
B’differenza miż-żewġ edizzjonijiet tas-snin preċedenti, din is-sena l-Kunsill Lokali se jkun qed jorganizza parti mill-attivitajiet fil-Qajjenza bis-sehem tal-Kumitat għal Qajjenza Aħjar.
Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella ddeskriva din l-attività bħala festa sħiħa ta’ tradizzjonijiet, kultura u folklor li għandha terġa’ tintlaqa’ tajjeb ħafna mhux biss mir-residenti ta’ Birżebbuġa iżda wkoll minn kull min se jkun qed jattendi.
Semma kif il-Gvern jinsab impenjat li jkomplu jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-kunsilli lokali biex dawn it-tip ta’ attivitajiet kulturali jinżammu u jittejbu.
Karmenu Vella saħaq li attivitajiet bħal dawn huma importanti anke mil-lat turistiku fejn iservu ta’ mezz biex ikomplu jżidu mal-esperjenza pożittiva li t-turist ikun qed jieħu waqt il-btala tiegħu f’pajjiżna.
L-attività Inġeddu Tfulitna tiftaħ is-Sibt 29 ta’ Ġunju f’Jum l-Imnarja filgħaxija fil-Qajjenza fejn se jkun qed jittella’ spettaklu ta’ għana tradizzjonali Malti u li huwa assoċjat mal-festa tal-Imnarja. Se jkunu qed jittellgħu wkoll bosta stands ta’ ikel u ħelu tipiku Malti, tlugħ ta’ tombla u fiera bir-raddiena bħalma kien isir fl-antik. L-ispettaklu se jkun jinkludi wkoll kant u żfin u bosta logħob għat-tfal.
Il-Ħadd 30 ta’ Ġunju l-attività tissokta fil-Bajja s-Sabiħa bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen fejn mal-40 bottegin ta’ artiġġjanat Malti se jkunu qed itellgħu esebizzjoni li tinkludi xogħlijiet fir-rakkmu, newl, bizzilla flimkien ma’ wirja ta’ mudelli ta’ trakkijiet tal-linja antiki.
Sadanittant, is-Sindku ta’ Birżebbuġa Joseph Farrugia ħabbar kif fil-ġranet li ġejjin mistenni jibda proġett pilota b’rabta mal-immaniġjar tal-Bajja s-Sabiħa li hija attrazzjoni ewlenija fil-lokalità.
Saħaq li din il-bajja jixraqilha li tingħata l-attenzjoni meħtieġa u kien għalhekk li b’ħidma mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu dan is-sajf se tkun qed issir evalwazzjoni sħiħa, fl-istess ħin li se jkunu qed jiġu provduti s-servizzi assoċjati mal-immaniġjar tal-bajjiet fosthom dawk ta’ life guards, tindif, u servizz ta’ librerija.
Other Press Releases:
PR262030
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Is-saħħa mentali u l...
PR262029